Sunday, November 24, 2024

Il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa’ mal-kontinġent Malti tal-Olimpjadi ta’ Pariġi

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela ltaqgħu mal-kontinġent Malti għall-Olimpjadi 2024 f’Pariġi.

Ftit tas-sigħat qabel iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi, li l-Prim Ministru qed jattendi għaliha fuq stedina tal-President Franċiż Emmanuel Macron u l-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach, Dr Abela tkellem ma’ atleti Maltin u awguralhom għal din l-esperjenza f’dan l-avveniment sportiv dinji. Fil-villaġġ għall-atleti li se jipparteċipaw fl-Olimpjadi f’Pariġi, il-Prim Ministru Robert Abela żied jgħid li l-appoġġ tal-Gvern fl-isport se jibqa’ għaddej b’mod b’saħħtu biex partikolarment nibqgħu ninvestu fl-atleti u fl-infrastruttura sportiva ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru Robert Abela mhux biss awgura lill-atleti biex b’determinazzjoni iwasslu prestazzjoni għalihom infushom u għal pajjiżna iżda saħaq li l-ispirtu ta’ Team Malta u għaqda li jġib miegħu l-isport hemm warajh l-atleti ta’ pajjiżna, li huma l-protagonisti u jixirqilhom kull sostenn.

Team Malta f’dawn l-Olimpjadi hu kompost mill-atleti Katryna Esposito (judo), Beppe Grillo (atletika) Kyle Micallef (għawm), Sasha Gatt (għawm) u Gianluca Chetcuti (sparar). Chetcuti u Gatt se jġorru l-bandiera Maltija waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ ta’ dawn il-Logħob li se ssir il-Ġimgħa filgħaxija.

Il-Prim Ministru Robert Abela u Dr Lydia Abela tkellmu wkoll mal-bqija tal-kontiġent Malti fosthom il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello u ċ-Chef de Mission ta’ Malta f’dawn l-Olimpjadi Paul Sultana.

Wt

Sport