Saturday, May 4, 2024

Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura Ċentru ta’ Matul il-Jum fil-Marsa

Aqra wkoll

L-anzjani tal-Marsa se jkunu qegħdin igawdu minn Ċentru ta’ Matul il-Jum ġdid li ġie inawgurat mill-Prim Ministru Robert Abela flimkien mas-Sindku tal-Lokal Josef Azzopardi u l-kunsillieri. Bl-investiment f’dan iċ-Ċentru, ko-finanzjat minn fondi tan-Norveġja, bidel sala li ma kinitx qegħda tintuża biex issa ser tkun qiegħda tippromwovi anzjanità attiva.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li ma hemmx komunitajiet b’saħħithom jekk ma jkunux inklużivi u ma hemmx komunitajiet ġusti jekk ma jieħdux ħsieb il-ħtiġijiet ta’ kulħadd, u “huwa għal dan li rridu naħdmu aħna li ġejna mislufa l-fiduċja biex proprju ntejbu ħajjet in-nies.”

B’dan il-proġett mill-Kunsill Lokali tal-Marsa u oħrajn bħalu, fi kliem il-Prim Ministru Robert Abela, għandhom valur kbir għal dawk li ser jibbenefikaw minnu.

“Huwa proġett li jippromwovi wkoll l-anzjanità attiva li hija fiċ-ċentru tal-politika ta’ dan il-Gvern. Għalhekk qegħdin nifirxu proġetti bħal dan mal-pajjiż kollu, kif għamilna fl-aħħar ġimgħat bil-ftuħ ta’ ċentri ta’ dan it-tip fl-ibliet tal-Kottonera u huwa wkoll għalhekk li nżommu l-anzjani tagħha fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet li nieħdu. Fil-budget żidna l-pensjonijiet u l-għotja lill-anzjani li jibqgħu jgħixu fil-komunità. Għaliex anke finanzjarjament irridu ngħinu lill-anzjani jgħixu aħjar.”

Il-Prim Ministru żied jgħid li lill-anzjani, il-Gvern, irid ikompli jtaffilhom il-piżijiet fosthom b’aktar mediċini mogħtija mingħajr ħlas, u kura aqwa fil-komunità, flimkien ma’ komunitajiet iktar siguri. Irridu kullana ta’ servizzi biex l-anzjani tagħna jibqgħu jħossu, il-belt jew ir-raħal li għexu fihom, bħala d-dar tagħhom. Għaliex meta ngħidu li rridu komunitajiet sbieħ, siguri u bis-servizzi viċin tagħkom, huwa dak li nkunu qegħdin infissru.”

Il-Prim Ministru kkonkluda li l-anzjani sawru lil dan il-pajjiż u bnewh mix-xejn b’ħidmiethom u tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jibni fuq dak li għamlu, “imma nagħmlu dan magħkom għax dak li tistgħu tibqgħu tagħtuna intom, ma nistgħu nitilfuh qatt.”

Min-naħa tiegħu s-Sindku tal-Lokal Josef Azzopardi, rrefera għal dan il-proġett bħala ħolma li saret realtà għar-residenti Marsin hekk kif iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum ser ikun qiegħed jintuża wkoll, fost oħrajn, għal korsijiet edukattivi mhux biss għall-anzjani iżda wkoll għall-adulti u għat-tfal.

“Bħala Kunsill Lokali, ser nibqgħu naħdmu mhux biss għall-anzjani iżda għall-Marsin kollha bi proġetti għal kulħadd, mit-tranġar ta’ postijiet pubbliċi, servizzi dejjem aktar qrib iċ-ċittadin u attivitajiet, fost oħrajn. Inħarsu ‘l quddiem għal ħafna aktar proġetti ambizzjużi u ta’ benefiċċju għar-resident Marsi.”

Sport