Sunday, June 28, 2026

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-fiduċja qawwija mogħtija mill-poplu fl-elezzjoni ġenerali trid tintradd lura b’iktar ħidma mill-Gvern

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal ukoll li sal-ewwel Baġit ta’ din il-leġiżlatura l-Ministru jridu jidentifikaw u jwettqu żewġ prijoritajiet ewlenin mill-manifest elettorali INT Malta. Sostna li l-fiduċja qawwija mogħtija mill-poplu fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet trid tintradd lura b’iktar ħidma mill-Gvern.

Dr Abela enfasizza li ma jistax ikollna Gvern b’saħħtu mingħajr partit b’saħħtu, filwaqt li rrefera għall-ħidma li saret biex il-Partit Laburista jissaħħaħ u jkun qrib in-nies. Il-Prim Ministru appella biex il-Konferenza Ġenerali li se titlaqqa’ bejn it-Tlieta u l-Ħamis tal-ġimgħa d-dieħla tibgħat messaġġ ċar favur iktar ħidma u iktar twettiq tal-manifest elettorali li kiseb il-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi.  Appella lid-delegati biex jivvutaw għall-konferma tat-tmexxija tal-partit bejn it-Tlieta u l-Erbgħa tal-ġimgħa d-dieħla.

Waqt il-Kick-Off Reception tal-Konferenza Ġenerali, Dr Abela qal li sinjali tal-ħidma minnufih minn Gvern Laburista dehru mill-ewwel bil-ħatra immedjata tal-Kabinett, li ddeskrivieh bħala l-iktar wieħed b’saħħtu ta’ dan il-moviment, kif ukoll permezz tal-iktar Grupp Parlamentari b’saħħtu fl-istorja tal-Partit Laburista. Huwa rrimarka wkoll li l-Parlament tlaqqa’ fl-iqsar żmien wara l-elezzjoni ġenerali.

Dr Abela enfasizza li l-manifest elettorali INT Malta jinkludi miri ċari u ambizzjużi li bihom il-poplu jista’ jkejjel il-progress tal-Gvern. Fosthom semma l-impenn li tiżdied il-konnettività bejn Malta u Għawdex, filwaqt li esprima fiduċja li l-miri kollha jistgħu jintlaħqu bis-saħħa tal-ħidma mill-Grupp Parlamentari.  Irrefera għal diversi riformi li se jitressqu fil-bidu tal-leġiżlatura, fosthom tal-IVF, tal-appelli tal-ippjanar, fil-qasam tal-ugwaljanza u fis-settur tal-volontarjat.

Dr Abela rringrazzja lil kull min ta kontribut tul il-kampanja elettorali li għaddiet li wasslet għar-raba’ rebħa konsekuttiva u storika għall-Partit Laburista, fosthom il-kumitati lokali, il-voluntiera, il-ħaddiema ta’ ONE, kif ukoll lill-attivisti, id-delegati u l-membri tal-Partit Laburista.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport