Sunday, June 28, 2026

Tifel ta’ sitt snin bla relazzjoni mal-ġenituri bioloġiċi… ġenituri b’nuqqas ta’ impenn fl-aċċess… it-tifel ikun adottat

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tifel ta’ sitt snin ikun f’ħarsien alternattiv minħabba problemi kbar fil-familja. Il-ġenituri iffirmaw kuntratt socjali fejn qablu li jirċievu l-għajnuna madanakollu ma żammewx mal-kuntratt u qatt ma wrew impenn jew konsistenza kif ukoll irrifjutaw l-għajnuna tas-servizzi. Bejn is-sena 2019 u s-sena 2022, l-aċċess bejn il-minuri u l-ġenituri naqas b’mod sinifikanti fejn kien hemm xhur mingħajr aċċess. Meta l-missier kien imur għall-access huwa kien jagħmel ftit minuti mis-siegħa li kien allokat għall-aċċess. Minħabba n-nuqqas ta’ konsistenza, l-acċċess kien ġie sospiż. 

Finalment proċeduri quddiem il-Qorti wasslu biex dan it-tifel li għandu problemi biex jikkomunika minħabba l-awtiżmu, ikun adotta mill-fosters parents.

Ħaddiema soċjali li ilha ssegwi lill-minuri għal dawn l-aħħar erba’ snin u nofs, fissret lil għalkemm ipprovdew kuntratt soċjali lill-familja bioloġika sabiex joffrulhom kull għajnuna possibbli u jtejjbu l-qagħda tagħhom, dawn ma wrewx impenn. Mix-xhieda irriżulta li kien hemm instabbiltà fir-relazzjoni bejn il-ġenituri bioloġiċi u għalkemm l-omm ingħatat kuntratt soċjali u aċċettatu, iżda rrifjutat li żżomm miegħu, irrifjutat it-terapija u għalkemm kienet bdiet tattendi kors tal-Incredible Years, waqfet tattendi f’nofs l-istess kors u rrifjutat l-għajnuna tal-ħaddiema soċjali. Meta twieled il-minuri  kienet l-istess omm li talbet l-għajnuna tal-ħaddiema soċjali sabiex jieħdu ħsieb il-minuri, peress li l-missier ma setax jieħu ħsiebu u b’hekk il-minuri daħal fil-kura alternattiva. 

Intqal li “l-omm kienet tiġi segwita minn psikjatra  fejn ġie stabbilit li għandha diżabilità intellettwali, kif ukoll tbati minn diżordni ta’ personalità, Borderline. Kien hemm diversi okkażjonijiet fejn l-omm bioloġika kellha tidħol fis-sezzjoni tas-saħħa mentali u l-psikjatra kienet ukoll irrakomandat li jinbeda l-proċess ta’ inabilitazzjoni fil- konfront tagħha. Ingħad li għalkemm il-missier bioloġiku ngħata kuntratt soċjali fis-sena 2020, dan mal-ewwel irrifjuta l-għajnuna, inkluż dik tas-servizz “Stop” li huwa servizz li jiffoka fuq vjolenza domestika, li kienet waħda mir-raġunijiet għalfejn inħarġet ordni ta’ ħarsien favur il-minuri. Irrifjuta li jmur għand psikjatra u fl-aħħar telefonata li kellha miegħu talabha tieqaf tikkomunika miegħu.” 

Intqal li minkejja li saru diversi tentattivi għal-laqgħat mal-ġenituri bioloġiċi, ma kienx ikollhom tweġiba mingħandhom, meta kien jirnexxilhom jiltaqgħu magħhom, kienu jirrifjutaw li jiffirmaw il-kuntratt soċjali. L-aċċess kien isir b’mod virtwali fi żmien il-COVID u wara li għadda, xorta l-ġenituri bioloġiċi talbu li jibqgħu jaraw uliedhom onlajn, bl-eċċezzjoni tal-omm bioloġika li kellha  kuntatt fiżiku mal-minuri waqt l-aċċess ta’ siegħa ta’ darba fix-xahar, iżda lanqas kienet konsistenti. Il-missier irrifjuta li jingħata l-istess opportunità. Peress li l-minuri kien ta’ età tenera ta’ sena, ma rnexxilux jibni relazzjoni mal-ġenituri bioloġiċi u l-aċċess ġie sospiż f’Ġunju tas-sena 2024. 

Intqal li l-minuri llum ser jagħlaq sitt snin u jattendi l-iskola u x-xogħol tal-ħaddiema soċjali aktar jiffoka bħala sapport lill-foster parents, fejn tidħol is-saħħa u l-edukazzjoni tal-minuri. It-tifel  ġie djanjostikat li għandu l-awtiżmu, li tagħmilha diffiċli sabiex tikkomunika miegħu u t-tifel għandu wkoll limitazzjonijiet fil-komunikazzjoni. Minkejja li hu ma jifhimx il-kunċett tal-adozzjoni, xorta waħda r-relazzjoni li għandu mal-foster parents hija ferm evidenti u hija waħda pjuttost pożittiva. Minħabba is-sitwazzjoni tal-ġenituri bioloġiċi, is-sitwazzjoni tal-istess minuri, li għandhom ċertu bżonnijiet li jingħataw prijorità, kif ukoll l-edukazzjoni tagħhom, ir-rakkomandazzjoni tagħhom hija li l-minuri jiġi adottat b’mod magħluq. 

Minn xhieda oħra li ngħatat il-foster carers bħala dedikati, paċenzjużi, li dejjem ikkollaboraw mal-professjonisti, dejjem ġabu rispett u fejn jidħlu appuntamenti tal-minuri dejjem attendew. Hekk ukoll fejn jidħlu l-laqgħat mal-iskola dejjem attendew u kkollaboraw. Intqal li l-akbar sfida li għandhom dawn il-foster carers hija li fil-każ tal- minuri  li għandu dijanjosi tal-awtiżmu. Ħaduh għand psikjatra b’mod privat sabiex it-tifel ġie dijanjostikat. Kompla jfisser kemm il-foster carers huma paċenzjużi ma’ dan il-minuri, peress li fejn tidħol din il-kundizzjoni mhux faċli, iżda jimxu pass pass miegħu. 

Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha tgħid li “minn dak illi rat u semgħet din il-Qorti, b’mod partikolari mix-xhieda imressqa, jirriżulta li l-minuri ilu jgħix mal-foster carers, li huma l-ġenituri ndikati bħala l-ġenituri adottivi prospettivi tal-minuri, għal aktar minn erba’ snin, sa minn meta kellu madwar sena u għadu joqgħod fir-residenza magħhom sal-lum u għalhekk ma tantx jista’ jingħad li l-istess minuri jaf xi ħajja oħra differenti ħlief dik li ngħata mill-istess nies li wrew ix-xewqa li jsiru l-ġenituri tiegħu. Din il-Qorti m’għandha l-ebda dubju li l-imsemmija foster carers taw u għadhom qed jagħtu ħajja stabbli lill-minuri u li ma jonqsu xejn b’dan li qed jitrabba f’ambjent ta’ familja anke ma’ ħuh ikbar li bħalu huwa fostered. Jidher ċar li l-istess minuri qed jitrabba f’ambjent xieraq, fejn il-foster parents isegwu l-bżonnijiet tal-minuri f’dak li huma affarijiet marbuta ma’ saħħa u edukazzjoni u li jgħinu fl-iżvilupp ħolistiku tiegħu, minkejja l-kundizzjoni medika tiegħu.  Din il-Qorti tinstab sodisfatta illi l-arranġament li qed jiġi propost, jiġifieri dak li l-minuri jiġi rilaxxat għall-adozzjoni skond kif jipprovdi l-Artikolu 24 tal- Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Ħarsien Alternattiv) -Kap. 602 tal-Liġijiet ta’ Malta huwa indubbjament fl-aħjar interess tal-minuri. Jekk it-talba tad-Direttorat ma tintlaqax, is-sitwazzjoni għall-minuri ser tibqa’ prattikament l-istess għax jibqa’ jgħix mal-konjuġi.”

Il-Qorti iddikjarat ukoll li “kkunsidrat li l-minuri lanqas jista’ jingħad li għandu xi tip ta’ relazzjoni sinifikanti mal-ġenituri bioloġiċi, ma tqisx li jkun ekwu u ġust li ċċaħħad lill-istess minuri li jkompli jsaħħaħ ir-rabta li għandu mal-foster parents. Għalhekk ma tqisx li huwa fl-aħjar interessi tal-istess minuri li jiġi mċaħħad (legalment) mill-familja li verament jaf u mill-familja li tatu ħajja tajba. Meta qieset kollox, din il-Qorti tara li hu fl-aħjar interess tal-istess minuri li jiġi rilaxxat għall-adozzjoni, liema adozzjoni hu mistenni li ssir mill-familja li hu jaf u qed jitrabba’ minnhom b’għożża u mħabba.”

Il-Qorti iddikjarat li “ġaladarba l-status quo li nħoloq u l-bilanċ li ntlaħaq qiegħed jagħti stabbilità lill-minuri u possibilità reali li l-minuri jiġi re-integrat mal-ġenituri tiegħu ma teżistix, din il-Qorti tkun qed tonqos lejn l-istess minuri, jekk ma tagħtihx is-serħan tal-moħħ li jibqa’ mal-familja li jaf u li uffiċjalment ikun parti mill-istess familja billi jġorr l-istess kunjom. Hu proprju għalhekk li din il-Qorti tara li r-rakkomandazzjoni li l-minuri jiġi rilaxxat għall-adozzjoni hija waħda ġustifikata.” 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport