Tuesday, June 16, 2026

Il-Prim Ministru Robert Abela se jipproponi lil Carmelo Abela bħala Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti

Aqra wkoll

 Meta s-Sibt li ġej se tkun qed tibda l-15-il leġiżlatura tal-Parlament, il-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed iressaq mozzjoni u jipproponi lil Carmelo Abela bħala Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Carmelo Abela ġie elett għall-ewwel darba fl-1996 u baqa’ jiġi elett f’kull elezzjoni, inkluża dik tat-30 ta’ Mejju li għadda. Huwa kellu bosta karigi, fosthom fi ħdan il-Gvern. Għal aktar minn seba’ snin fil-leġiżlatura tal-2003 u dik tal-2008 kien serva bħala Deputat Speaker tal-Kamra tad-Deputati. F’April tas-sena 2013 kien ġie maħtur Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern. F’Diċembru tas-sena 2014 kien inħatar Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali u f’Ġunju tas-sena 2017 bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ. F’Jannar tas-sena 2020 kien inħatar bħala Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru b’numru ta’ responsabbiltajiet diretti.

 Carmelo Abela għadu kif informa lill-Kummissjoni Elettorali li se jkun qed iċedi s-siġġu parlamentari minn fuq it-tielet distrett elettorali li fuqu ġie elett.

 F’isem il-Gvern, il-Prim Ministru Robert Abela jawgura lil Carmelo Abela ħidma importanti li biha jmexxi l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, pilastru ewlieni fid-demokrazija tagħna.

 Il-Gvern jirringrazzja wkoll lil Dr Anġlu Farrugia tas-servizz impekkabbli li ta lil pajjiżna meta serva bħala President tal-Kamra tar-Rappreżentanti għall-aħħar tliet leġiżlaturi konsekuttivi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport