Wednesday, July 24, 2024

Il-Prinċipju tal-‘Equal Pay For Work of Equal Value’ se jkun estiż fil-privat

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Iddiskutejna mal-imsieħba, stakeholders involuti qabel wasalna għall-avviż legali li se jkun ippubblikat għada. Avviż legali li se jwassal biex mill-1 ta’ Jannar 2025, ħaddiema fis-settur privat – li huma tal-kuntrattur u li jagħmlu xogħol ugwali bħal dawk il-ħaddiema li jkunu direttament impjegati mal-kumpanija li fiha jkun qed isir ix-xogħol – jibdew jieħdu dak li hu xieraq u b’mod ugwali bħall-ħaddiema l-oħra.”

Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbar li l-prinċipju tal-‘Equal Pay for Work of Equal Value’ se jiġi estiż fil-privat – wegħda oħra mwettqa fil-programm ta’ ħidma tal-Gvern ‘Malta Flimkien.” Huwa semma kif id-diskussjonijiet f’dan ir-rigward wassluhom filwaqt li nġiebu bidliet imnebbħa mir-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern. 

Dr Abela fisser kif dan huwa prinċipju li tant u tant ħaddiema li jaħdmu fis-settur privat – li mhumiex direttament impjegati mal-kumpanija imma huma impjegati mal-kuntrattur – tkellmu dwaru magħhom f’dawn l-aħħar snin. 

Huwa żied jgħid li jemmen li l-ħaddiema jixiriqlhom li jkunu stmati l-istess, li jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol tajba u jieħdu bi dritt dak li ħaqqhom u dak li qed jaħdmu għalih, huma min huma, ġejjin minn fejn ġejjin.

Qal li dan hu li jaħdmu għalih ta’ kuljum. Li jimbuttaw riformi u bidliet leġiżlattivi li dejjem jagħtu aktar saħħa lill-ħaddiema. “Nibqgħu Gvern li nifhmu li biex nitkellmu dwar it-tqassim tal-ġid, irridu qabel xejn nitilqu mill-punt li dak il-ġid trid toħolqu u għalhekk dejjem nisħaq fuq tkabbir ekonomiku li jkun wieħed sostenibbli. Għalhekk ukoll dejjem l-appoġġ għall-investiment.” 

“L-investimenti li jiġu u l-postijiet li jagħtu l-aqwa opportunitajiet huma hemm biex nagħtu dinjità u drittijiet iktar b’saħħithom lill-ħaddiema kollha”, żied jgħid il-Prim Ministru. Dr Abela temm jirringrazzja kull min kien parti fit-tfassil ta’ din il-bidla pożittiva li se timpatta mijiet ta’ ħaddiema f’diversi oqsma fosthom dawk fit-turiżmu fis-settur tal-ospitalità u anki f’oqsma oħra bħal fil-manifattura. Qal li dawn huma bidliet pożittivi li twettqu bis-saħħa ta’ kulħadd. 

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul qal li l-liġi li qed inħabbru hi frott ta’ ħidma bla waqfien. Qal li d-direzzjoni politika ta’ dan il-Gvern kif riflessa fil-manifest Malta Flimkien jagħti viżjoni ċara li noħolqu dinja tax-xogħol li tirrifletti r-realtajiet ġodda ta’ pajjiżna – pagi u kundizzjonijiet aħjar lill-ħaddiema tagħna.

Is-Segretarju Parlamentari Ellul qal li bħala Gvern ma setgħu jibqgħu passivi quddiem il-bidliet mgħaġġla li qed iseħħu u “ridna nassiguraw li nkomplu nibnu fuq il-pedament li kien hemm diġa’ però din id-darba billi noħolqu ekosistema li tilqa’ għal dinja tax-xogħol moderna.”

Għalhekk huwa enfasizza l-impenn tal-Gvern li jibqgħu pro-attivi biex jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema biex kulħadd f’dan il-pajjiż ikollu l-opportunità li jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.

Ekonomija

Sport