Wednesday, April 24, 2024

“Il-Vjolenza Domestika hi Affari ta’ Kulħadd”

Aqra wkoll

“Il-Vjolenza hi Affari ta’ Kulħadd”, hija t-tema ta’ kampanja li tnediet minn Dr Lydia Abela fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika.

Waqt it-tnedija tal-kampanja ta’ 16-il jum ta’ attiviżmu b’kuxjenza dwar il-vjolenza domestika, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela saħqet li l-vjolenza domestika tolqot persuni differenti u aċċennat li l-kuxjenza trid tkun hemm is-sena kollha.

Waqt li kienet qed tindirizza konferenza tal-aħbarijiet Dr Abela rreferiet għall-qtil li seħħ nhar it-Tlieta li għadda f’Raħal Ġdid u filwaqt li fissret li l-ebda kliem mhu ta’ konsolazzjoni għall-familja tal-vittma, illum aktar minn qatt qabel irridu nkunu b’vuċi waħda u b’messaġġ b’saħħtu li l-vjolenza domestika hi affari ta’ kulħadd.
Dr Lydia Abela rrimarkat li f’suġġett sensittiv bħall-vjolenza domestika, tagħmel kemm tagħmel qatt mhu biżżejjed u sostniet kif b’mod kollettiv ma rridux inħallu persuni jbatu fis-silenzju u għalhekk jeħtieġ l-aqwa għajnuna possibbli.

Intant is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg tkellmet dwar il-fatt li l-vjolenza domestika mhix problema ta’ individwu jew ta’ grupp partikolari iżda ta’ soċjetà sħiħa li jeħtieġ tiġġieled din il-pjaga kuljum. Hija spjegat li t-tema tal-kampanja ta’ din is-sena turi li l-messaġġ tassew hu minnu għaliex l-ebda vjolenza m’għandha tinżamm mistura wara il-bieb tad-dar.

“Filwaqt li sar ħafna, il-gvern jinsab impenjat li jkompli jalloka aktar riżorsi sabiex negħlbu din il-pjaga soċjali, dan billi fost l-oħrajn tiddaħħal liġi ġdida li tagħti l-għodda lil persuni f’relazzjoni biex jaraw jekk is-sieħba jew is-sieħeb tagħhom għandux storja ta’ vjolenza domestika fil-kondotta tiegħu u b’hekk il-persuni jkunu f’pożizzjoni li jieħdu deċiżjoni infurmata fl-interess tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom stess”, qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Min-naħa tagħha l-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika Audrey Friggieri fissret ukoll l-importanza tal-messaġġ wara t-tema u sostniet li quddiem realtajiet bħal abbuż u vjolenza ma nistgħux indawru wiċċna. Qalet li kampanji bħal dawn huma importanti għax ikomplu jikkontribwixxu fl-informazzjoni u l-prevenzjoni. Irrikonoxxiet ukoll passi importanti bħall-introduzzjoni tal-femiċidju fil-kodiċi kriminali iżda saħqet li lkoll irridu nieħdu iżjed passi biex kemm jista’ jkun jonqsu t-traġedji li jolqtu lill-familji.

Sport