Monday, April 22, 2024

Il-WHO tavża biex dawk mhux imlaqqma ma jivvjaġġawx

Aqra wkoll

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li dawk in-nies li huma vulnerabbli jew ma jifilħux u mhumiex imlaqqma totalment kontra l-Covid-19 għandhom jevitaw li jivvjaġġaw. 

Il-WHO qalet dan fl-aħħar aġġornament li ħarġet hekk kif in-numri ta’ każijiet ta’ Covid-19 madwar id-dinja qegħdin kulma jmur jiżdiedu. Il-pariri tal-WHO huma mmirati speċjalment lejn persuni li għandhom ’il fuq minn 60 sena u dawk li għandhom problemi tal-qalb, kanċer jew dijabete. Iktar kmieni il-WHO kienet avżat biex din il-kategorija ta’ nies ma jivvjaġġawx iżda ftit wara kkoreġiet dan u qalet li dawn ma jivvjaġġawx sakemm mhumiex imlaqqma totalment. 

Il-pariri l-ġodda tal-WHO qed jimxu fuq l-istess mudell ta’ meta faqqgħet il-pandemija, u dawn l-aħħar aġġornamenti qed jingħataw fid-dawl tal-varjant Omicron li huwa wieħed tat-tħassib. Min-naħa tagħha il-WHO stqarret li temmen bis-sħiħ li l-qtugħ kompletament tal-ivvjaġġar fil-verità ma jnaqqasx it-tixrid tal-virus. 

Il-ġimgħa li għaddiet, l-Afrika t’Isfel avżat lid-dinja li x-xjentisti tagħha sabu varjant ġdid tal-Covid-19. Fid-dawl ta’ dan, numru ta’ pajjiżi bdew ipoġġu restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar minn pajjiżi fin-Nofsinhar tal-kontinent Afrikan. Fid-dawl ta’ dan il-WHO qalet li l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar internazzjonali ma tipprevenix it-tixrid tal-virus, u dan ipoġġi biss tbatijiet fuq l-għejxien taċ-ċittadini. Il-WHO tenniet ukoll li affarijiet bħal dawn jistgħu wkoll iwasslu lil xi pajjiżi biex ma jirrapportawx jekk jiltaqgħu ma’ xi varjant ġdid u dan għax imbagħad kulħadd jibda jipprojbixxi l-ivvjaġġar lejhom. 

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti António Guterres għal li huwa jinsab imħasseb ħafna bl-iżolazzjoni li qiegħed jiffaċċja in-Nofsinhar tal-kontinent Afrikan minħabba l-varjant. Huwa tenna li l-poplu m’għandu l-ebda tort u dan wasal minħabba tqassim mhux ugwali tal-vaċċin madwar id-dinja.

Sport