“Naf li se mmut… imma jekk hemm anke l-iċken ċans li nibqa’ ma’ wliedi imqar għal siegħa oħra biss, nieħu dak iċ-ċans u se nibqa’ niġġieled il-battalja tal-kanċer sal-aħħar.”
Hekk stqarret Jessica, omm ta’ 36 sena minn Olginate qrib il-belt ta’ Bergamo. Hija għandha twemin Thiago u Leone li għandhom tliet snin u nofs.
Kien f’Ġunju tas-sena li għaddiet, xagħrejn biss wara t-tieġ tagħha li ħadet l-aħbar li kellha kanċer aggressiv.
Minkejja kull operazzjoni li għamlet u anke ħadet ħafna kimoterapija, il-kanċer baqa’ jinfirex ma’ ġisimha kollu.
Kulma qed titlob Jessica hu li tibqa’ ħajja sa Jannar li ġej biex tkun tista’ tara lill-uliedha jgħalqu 4 snin “u nitfi x-xemgħat ta’ fuq il-kejk magħhom…” qalet l-omm waqt intervista li tat lill-midja Taljana.




