Xahar wara l-elezzjoni ġenerali, fejn il-Partit Laburista rnexxielu jikseb ir-raba’ mandat konsekuttiv, illejla tibda Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista
Kif jistipula l-istatut tal-Partit Laburista, wara kull elezzjoni ġenerali għandu jsejjaħ Konferenza Ġenerali Straordinarja li fiha jiġu kkonfermati kemm il-Mexxej u anke ż-żewġ Deputati Mexxejja.
Fil-fatt, matul il-jiem li ġejjin, il-Konferenza Ġenerali Straordinarja trid tikkonferma lill-Prim Ministru Robert Abela bħala Mexxej Laburista, lid-Deputat Prim Ministru Ian Borg bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament u Alex Agius Saliba bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.
Il-Konferenza Ġenerali Straordinarja tiftaħ illejla fis-6:00 p.m. b’sessjoni plenarja fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, u wara, il-votazzjoni sal-10:00 p.m..
L-Erbgħa, imbagħad, mid-9:00 ta’ filgħodu terġa’ tiftaħ il-votazzjoni fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista stess u fiċ-Ċentru Laburista f’Tas-Sannat, Għawdex. Filgħaxija wara li tingħalaq il-votazzjoni jsir l-għadd tal-voti.
Il-Ħamis tiġi fi tmiemha l-Konferenza Ġenerali Straordinarja fejn għall-ħabta tas-6.00pm jitkellem il-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras u anke t-tmexxija tal-Partit.

