Tuesday, June 30, 2026

Tifla imwerwra minn ommha  u  b’ansjetà  kbira meta toħroġ mill-iskola

…tintalab il-protezzjoni tal-Qorti

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tifla ansjeta imwerwra

“Jiddispjaċini ma tistax tiġbor it-tfal, għax m’intix imniżżel fil-lista tal-persuni awtorizzati li jistgħu jiġbru lit-tfal”. Tweġiba li taħsad lin-nanniet li marru jiġbru t-tfal u mill-ewwel jilmentaw. L-amministrazzjoni tal-iskola tipprova tispjegalhom li jista’ jiġbor it-tfal biss min ikun awtorizzat. In-nanniet dan ma jifhmuhx u jibdew iwaħħlu fir-raġel tat-tifla.  Ma’ dan ikun hemm każijiet diversi ta’ mannite u anke missirijiet li jmorru barra l-iskola biex jippruvaw ikellmu lil uliedhom, li l-kustodja tagħhom tkun għand l-omm. 

Każijiet li spiss jispiċċaw quddiem il-Pulizija. Każijiet li mhux darba u tnejn spiċċaw b’kunflitti fi skejjel u barra minnhom. Realtajiet soċjali li huma kontinwi u mifruxin f’pajjiżna. Wieħed jista’ jimmaġina l-effett negattiv li jkun hemm  fuq it-tfal, il-biża’, l-ansjetà, u t-tensjoni. 

Każ simili u li tefa’ dawl fuq dak li jgħaddu minnu it-tfal f’dawn is-sitwazzjonijiet, spiċċa quddiem il-Qorti, fejn din intalbet tagħti protezzjoni lit-tifla.

Minn dettali li nħarġu mill-proċeduri fil-Qorti fuq każ f’Għawdex, intqal li “kien nhar it-28  ta’ Mejju tas-sena 2024, meta missier irrapporta lill-Pulizija li bintu  kienet qiegħda tibża’ tmur l-iskola. Dan peress li l-omm kienet qiegħda tipparkja l-vettura tagħha fil-parkeġġ ta’ viċin l-iskola li tattendi bintha u teħdilha r-ritratti. 

Il-Pulizija talbu l-assistenza tal-ħaddiema soċjali u tkellmu mat-tifla fejn din stqarret li xi drabi waqt li tkun ħierġa mill-iskola kienet tinnota lill-akkużata li tiġi ommha, ipparkjata fil-parkeġġ li jinsab viċin l-iskola. Stqarret ukoll li għandha ċertu biża’ minn ommha peress li f’okkażjoni partikolari, ommha allegatament saqet fid-direzzjoni tagħha u anke sejħitilha sabiex tkellimha. 

It-tifla żiedet tgħid li f’okkażjonijiet oħra rat ukoll lil ommha żżomm telefon ċellulari f’idha u possibbilment kienet qed teħdila ritratti jew filmati.”

L-omm mitluba tirrapporta l-Għassa… jipproċedu kriminalment  kontra l-omm

Mill-proċeduri jirriżulta li “l-omm ġiet mitluba tirrapporta l-għassa u wara li rrinunzjat għad-dritt għall-assistenza legali, hija ċaħdet l-allegazzjonijiet kollha u sostniet li dan hu tentattiv ieħor biex l-eks sieħeb tagħha iqabbad difrejh magħha. 

Hija stqarret li qatt ma marret ħdejn l-iskola ta’ bintha sabiex tipprova tkellem jew tavviċina lil bintha. Insistiet li hija kienet tkun hemm kull meta hi jew il-ġenituri tagħha jkollhom bżonn jattendu l-isptar. L-akkużata stqarret ukoll li jekk l-allegazzjonijiet tal-parte civile kienu fondati, kien ikun mistħoqq li l-kwerelant jagħmel rapport minnufih fil-konfront tagħha u mhux iħalli ż-żmien jgħaddi bħalma allegatament għamel.” 

Ġara li fid-dawl ta’ dan ir-rapport, il-Pulizija mexxiet bil-proċeduri kriminali fil-konfront ta’ l-omm.  Il-Qorti qalet li “l-każ  jinvolvi direttament lil omm u bintha ta’ erbatax-il sena. It-tifla tallega li hija sfat esposta għall-biża’ u fastidju sforz l-aġir tal-akkużata, partikolarment permezz tal-preżenza ripetuta tagħha fil-viċinanzi tal-iskola. Min-naħa l-oħra, l-omm ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet u ssostni li l-preżenza tagħha fil-viċinanzi tal-iskola fejn tattendi bintha kienet dovuta għal raġunijiet leġittimi u mhux sabiex issegwi, tintimida jew tiffastidja lil bintha.” 

Bdiet tinsisti ma’ missierha biex imur jiġborha hu mill-iskola

Il-Qorti fliet fid-dettal ix-xhieda mogħtija mill-omm u mit-tifla u temmen li aktar għandha tattribwixxi kredibbilità lil dak li qalet it-tifla. Minkejja l-età tenera tagħha, it-tifla xehdet b’mod dettaljat u koerenti. Hija spjegat l-episodji kollha meta ommha marret fil-viċinanzi tal-parkeġġ tal-iskola tagħha fil-ħinijiet li hija tkun ħierġa mill-iskola. Issemmi l-episodju meta l-akkużata allegatament saqet fid-direzzjoni tagħha waqt li t-tifla kienet qed taqsam it-triq biex tmur biex tirkeb il-minibus tal-iskola li kellha twassalha d-dar. Tagħmel riferenza għal diversi episodji oħra fejn ommha kienet tkun wieqfa fil-vettura tagħha fil-parkeġġ qrib fejn tinsab l-iskola. Tindika kif normalment ommha kien ikollha l-mowbajl f’idejha b’mod li jissuġġerixxi li l-istess omm kienet qiegħda tieħu ritratti jew vidjos tagħha. 

Dawn l-episodji – li fl-aħħar mill-aħħar m’huma xejn ħlief pedinar – ħolqu fit-tifla sens ta’ biża’ u ansjetà u anke ġiegħluha tħossha insigura, tant li bdiet tinsisti ma’ missierha biex imur jiġborha hu mill-iskola. Kienet anke ma baqgħetx toħroġ min-naħa tal-parkeġġ biex tmur lura d-dar iżda minflok kienet tgħaddi minn sqaq li jwassal għat-triq prinċipali u tiltaqa’ ma’ missierha hemmhekk. Għal xi żmien it-tifla kienet qed tibża’ tmur timxi weħidha – biex per eżempju tmur għall-privat – ħaġa li kienet tagħmel b’mod normali mingħajr l-ebda diffikultà.” 

It-tifla kienet qed tesprimi sentimenti ta’ rabja

Il-Qorti irrilevat wkoll li dak li xehdet it-tifla jsib sostenn b’mod partikolari fin-notamenti tal-visti li saru mal-psikologa Dr. Alison Samantha Caroline Zammit. Qalet li “minn dawn in-notamenti jirriżulta li t-tifla kienet qed tesprimi sentimenti ta’ rabja, biża’ u ansjetà relatati mal-aġir tal-akkużata. Ta’ min jirrileva li Dr Zammit kienet qed tkellem lit-tifla fil-vesti tagħha ta’ psikologa nominata mill-Qorti tal-Familja u mhux bħala psikologa ex parte. Għalhekk dak li tistqarr din il-psikologa għandu ċertu piż u żgur li ma tistax titpoġġa fl-istess keffa bħal kull xhud ieħor.”

Il-Qorti qalet li “minn naħa tagħha l-omm ċaħdet li hija kienet fil-parkeġġ ta’ fejn tattendi l-iskola bintha dakinhar tat-23 ta’ Mejju. Ġabet dettalji tal-lokalizazzjoni mill-mowbajl tagħha li skont hi jindikaw li hija kienet Għajnsielem fil-ħin li tfal skulaw mill-iskola. Kuntrarjament għal dak sostnut mill-omm, il-Qorti wara li fliet dawn id-dokumenti tinnota li m’hemm xejn li jindika li din il-‘location data’ tirreferi għan-numru ċellulari tal-akkużata u li dak il-ħin l-istess telefon ċellulari kien għandha. Apparti minn hekk il-Qorti tinnota wkoll kif il-fatt li hija ma kinitx fl-akkwati tal-iskola l-omm ma semmitux lill-Pulizija meta hija għażlet li tagħti l-verżjoni tagħha; semmietu biss hija u tixhed f’dawn il-proċeduri. Il-Qorti tqis li fatt tassew essenzjali kellu jiġi indikat lill-Pulizija mill-ewwel.”

“Diffiċli biex temmen li l-appuntament mediċi kollha kienu b’kumbinazzjoni fil-ħin li tispiċċa l-iskola’

Rigward id-drabi l-oħra li l-omm kienet innutata fil-parkeġġ ta’ fejn l-iskola tal-konservatorju li huwa wkoll il-parkeġġ tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-Qorti qalet li “l-omm insistiet li hija kienet hemm minħabba appuntamenti mediċi tagħha jew membri tal-familja tagħha. Il-Qorti ssibha diffiċli biex temmen li l-appuntament mediċi tal-akkużata u tal-ġenituri tagħha kollha kienu b’kumbinazzjoni fil-ħin li bintha tkun qed tispiċċa mill-iskola. Il-Qorti tqis wkoll li din il-verżjoni tal-omm – jekk tabilħaqq kienet minnha – setgħet tiġi faċilment korraborata billi tiġi preżentata prova ta’ dawn l-appuntamenti mediċi. 

Din il-prova setgħet faċilment tinġab u dan mingħajr in-neċessita li jiġu żveltati dettalji mediċi sensittivi. Li kieku saret din il-prova, il-Qorti forsi setgħet tasal biex tqis il-preżenza tal-omm fil-parkeġġ bħala sempliċi kumbinazzjoni. Iżda l-Qorti din il-prova m’għandhiex. Huwa minnu li l-omm m’hija tenuta tipprova xejn. Imma la darba hija stess għażlet li tagħti din il-verżjoni biex tikkontradixxi dik ta’ bintha, wieħed kien jistenna li ġġib provi li faċilment  setgħu jinġabu biex jagħtu saħħa lil dak dikjarat minnha. Fid-dawl ta’ dan kollu l-Qorti ma tħossx li tista’ tagħti piż lil dak li sostniet l-akkużata.” 

It-tifla bdiet tiġi ibbuljata

Il-Qorti qalet li “huwa ċar li t-tifla kienet qed tħossha fastidjata mill-fatt li ommha kienet qed toqgħod issegwieha x’ħin hi tkun ħierġa mill-iskola u mill-fatt li jidher li ommha kienet qed toqgħod toħdilha r-ritratti u anke l-vidjos. Dan l-aġir ta’ ommha kellu wkoll konsegwenzi oħra; jidher li t-tifla kienet wkoll qiegħda tiġi ibbuljata l-iskola minħabba r-ritratti li ommha kienet tieħu u anke titfagħhom fuq il-mezzi tal-media soċjali. Dan kollu ħoloq fit-tifla sens kbir ta’ ansjetà u anke sens ta’ insigurtà. L-omm fiċ- ċirkostanzi setgħet faċilment tippresumi li bintha ma kinitx qed tieħu gost bil-preżenza tagħha u li kienet qed tħossha skomda. Il-fatt li t-tifla  kienet qed tevita lil ommha u ma tkellimhiex u l-fatt li fiż-żmien ta’ qabel l-istess tifla kienet anke waqfet il-viżiti ta’ aċċess b’supervizjoni  ma’ ommha kellhom jkunu għall-omm indikaturi biżżejjed li t-tifla ma riditx li jkollha kuntatt magħha.”

Il-Qorti qalet li “mhux sejra tapplika l-piena tal-multa jew dik ta’ priġunerija kontemplati għal dan ir-reat. Il-Qorti tifhem li l-aġir tal-akkużata kien riżultat tax-xewqa tagħha bħala omm li hija jkollha xi forma ta’ kuntatt ma’ bintha; però hu ċar li l-mod ta’ kif hija stess kienet qed tipprova tasserixxi lilha nniffisha fuq bintha u tippedinaha kien aktar qiegħed imbiegħda milli jressaqha lejn bintha. Fiċ-ċirkostanzi għalhekk il-Qorti temmen li l-omm għandha titqiegħed taħt ordni ta’ probation sabiex hija tingħata l-għajnuna kollha neċessarja u forsi tiġi gwidata kif hija tista’ potenzjalment tibni relazzjoni ma’ bintha mingħajr ma hija tisforza ruħha fuq ħajjet bintha kif sewwasew għamlet fl-okkazzjonijiet mertu ta’ dawn il-proċeduri.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport