Jum il-Missier hu jum ta’ ċelebrazzjoni li jmur lura għas-sena 1508 – Jum li ma jiġix ċelebrat fl-istess ġurnata madwar id-dinja kollha għaliex huma ħafna l-pajjiżi, fosthom l-Italja, li jiċċelebraw Jum il-Missier fid-19 ta’ Marzu, fil-festa ta’ San Ġużepp.
Ħafna pajjiżi jiċċelebraw dan il-jum li jonora lill-missirijiet u jfakkar l-importanza tal-missirijiet fis-soċjeta’, fit-tielet Ħadd ta’ Ġunju. Interessanti l-fatt li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet f’Malta ġew introdotti minn Frans Said li kien jippreżenta programmi tat-tfal fuq ir-radju, bl-ewwel darba li dan il-jum kien imsemmi f’pajjiżna jkun f’Ġunju tal-1977.
Illum, propju f’dan il-jum iddedikat lill-missirijiet, ħafna jagħżlu li jqattgħu iktar ħin mal-missirijiet tagħhom b’uħud jiċċelebraw dan il-jum b’ikla speċjali f’nofsinhar flimkien ma’ dawk l-iktar għeżież għalihom.
Dawk li għandhom missierhom f’xi dar tal-anzjani jagħmluha punt li jżuruhom u jqattgħu magħhom dan il-jum iddedikat lill-missirijiet. L-istess jagħmlu dawk li missirijiethom bħalissa jinsabu rikoverati l-isptar.
Jum il-Missier inissel dieqa għal dawk li tilfu lil missirijiethom. Bħal-lum ħafna jsellmu l-memorja ta’ missirijiethom fiċ-ċimiterji billi jpoġġu fjuri fuq il-qabar tal-għeżież tagħhom.
Jum li fih ma nistgħux ma niftakrux wkoll f’dawk il-missirijiet li tilfu lil uliedhom u li għaldaqstant dan il-jum ma jnissilx memorji sbieħ għalihom. Jekk dan il-jum inissel dieqa f’dawk lil tilfu lil missirijiethom, żgur li jnissel ferħ ghal dawk li llum saru missirijiet għall-ewwel darba.
Dan il-jum għandu sinifikat doppju għal dawk il-missirijiet li se jħaddnu f’idejhom għall-ewwel darba lill-ewwel wild tagħhom. Jum speċjali wkoll għal dawk li għażlu li jkunu missirijiet wara li ffosterjaw jew addottaw.