Is-seduta Parlamentari tal-lum mistennija tkun seduta imqanqla u dan hekk kif il-Parlament se jiddiskuti mozzjoni li tressqet minn naħa tal-Gvern, liema mozzjoni titlob li jkun hemm appoġġ għall-Ispeaker Anġlu Farrugia u li jkun iċċensurat id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina. IT-TORĊA hi infurmata, li kollox jindika li minkejja li l-mozzjoni se tkun qiegħda tgħaddi l-Oppożizzjoni se tibqa’ xorta fit-triq li ma tagħmel l-ebda ċensura.
L-istess sorsi, għalkemm ma indikawx x’se tkun qed targumenta l-Oppożizzjoni, sostnew li wieħed jistenna li se jiġu ripetuti l-istess argomenti li saru jiem li għaddew. Fost dawn hemm dawk li dan qiegħed isir biex isikket lill-Oppożizzjoni.
Il-mozzjoni tgħid li “fl-aħħar ġimgħat fil-Parlament seħħew bosta inċidenti fejn intwera diżrispett u disprezz lejn il-President tal-Kamra, Dr Anglu Farrugia, bl-aġir waqt is-seduti u bi stqarrijiet għall-istampa.” Tgħid ukoll li “tali aġir u stqarrijiet huma għal kollox ibbażati fuq strateġija partiġġjana u ma jistgħux jitqiesu bħala kritika ġusta jew kostruttiva tas-Sedja, iżda jservu biss bħala tentattiv biex jiġi sfrattat ix-xogħol leġiżlattiv tal-pajjiż minn Oppożizzjoni li ma tirrispettax l-ordnijiet permanenti, rulings, u deċiżjonijiet tas-Sedja.
L-istess Oppożizzjoni, f’din il-leġiżlatura, formalment ma appellat l-ebda mis-67 ruling li ngħata mis-Sedja, u dan minkejja li kellhom kull dritt jagħmlu dan skont l-ordnijiet permanenti. Din l-imġiba deplorabbli, b’mod partikolari l-arroganza kontinwa tal-Onor. Karol Aquilina, ma tirriflettix tajjeb fuq il-Kamra tar-Rappreżentanti u l-aspettattivi li għandhom minnha n-nies li qed nirrappreżentaw”.
Il-mozzjoni titlob l-Kamra għandha tesprimi solidarjetà lejn Il-President tal-Kamra l-Dr Anglu Farrugia li fl-aħħar xhur, u partikolarment fl-aħħar ġimgħat, iffaċċja b’mod konsistenti attakki insensati mill-Oppożizzjoni.
Tgħid ukoll li din il-mozzjoni għandha tappoġġja lill-Speaker fil-qadi ta’ dmirijietu li huwa magħruf li jwettqu b’mod professjonali u integru, irrispettivament minn kif deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jintgħoġbu ma’ naħa jew oħra. Tisħaq fuq l-ordnijiet permanenti tal-Kamra tad-Deputati li jagħmluha ċara li ebda membru ma għandu juża kliem offensiv jew mhux xieraq kontra l-karattru jew il-proċeduri tal-Kamra jew b’riferenza għal xi membru tagħha”.
Il-mozzjoni qiegħda ukoll titlob il-kundanna għall-imġiba mhux xierqa tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fil-konfront tas-Sedja li m’għandha tkun aċċettata qatt minn l-ebda membru tal-Kamra. Fakkret li d-Deputat Nazzjonalista Aquilina mar fl-estrem fost oħrajn meta għajjar lill-Ispeaker sfaċċat, oxxen u li mhux kapaċi jaħseb, u saħansitra qallu li messu jmur ipoġġi man-naħa tal-Gvern.
Tirrileva li f’seduta fejn instab prima facie ħati ta’ ksur ta’ privileġġ, id-deputat Aquilina ddikjara li llum kulħadd jaf x’inhi s-Sedja u f’seduta oħra meta l-Ispeaker talbu ma jkomplix jinterrompi, Aquilina wieġbu li jrid iġiblu lill-pulizija biex joħorġu mill-Parlament”.
Il-mozzjoni tkompli tgħid li “tagħraf il-mod kif ix-xogħol tal-Kamra kellu jitwaqqaf diversi drabi minħabba l-għajjat, l-interruzzjonijiet u t-tisbit mid-deputat Karol Aquilina u membri oħra tal-Oppożizzjoni, bl-Ispeaker ikun kostrett li jissospendi s-seduti skont l-ordnijiet permanenti tal-Kamra. Tinsisti li dan in-nuqqas ta’ rispett lejn id-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna għandu jieqaf darba għal dejjem”.
Il-mozzjoni ttemm tgħid li “filwaqt li titlob lill-Kap tal-Oppożizzjoni jċanfar l-aġir tad-deputat tiegħu u jassigura li każijiet ta’ diżordni bħal dawn ma jseħħu qatt, din il-Kamra tirrisolvi li tiddeplora l-aġir mhux xieraq tad-Deputat Nazzjonalista Aquilina fil-konfront tal-Speaker filwaqt li tappoġġja l-ħidma korretta tal-Speaker Dr Anglu Farrugia f’din l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.”