Monday, January 13, 2025

Imħabbra dettalji dwar il-produzzjoni ‘RepubblikGħana’ li se tittella’ fl-iskejjel

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ħabbru produzzjoni skolastika RepubblikGħana, spettaklu dinamiku u kulturali li għandu l-għan li jeduka u jinvolvi l-istudenti fl-istorja ta’ kif Malta saret Repubblika. Din il-produzzjoni tispikka għall-integrazzjoni unika tagħha tal-għana, il-kanzunetta tradizzjonali folkloristika Maltija, bħala mezz ta’ narrazzjoni.

Waqt it-tnedija ta’ din il-produzzjoni, il-Ministru Owen Bonnici enfasizza kif l-ispettaklu RepubblikGħana se jgħin biex jitħarsu t-tradizzjonijiet kulturali ta’ Malta, filwaqt li jsaħħaħ l-identità nazzjonali fost iż-żgħażagħ u t-tfal. Huwa rrikonoxxa l-valur edukattiv u kulturali ta’ proġetti bħal dawn li jgħaqqdu lill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri mal-wirt storiku tagħna.

Il-Ministru Clifton Grima spjega kif l-edukazzjoni u l-kultura huma żewġ oqsma importanti ħafna għas-soċjetà tagħna għaliex huma dak kollu li jagħmluna dak li aħna llum u li jiddistingwuna mill-oħrajn. Huwa qal li l-edukazzjoni hija l-proċess li tiffaċilita t-tagħlim, l-akkwist ta’ għarfien, ta’ ħiliet, ta’ valuri u parti importanti u ħolqa mas-setturi kollha li permezz tagħhom hija mibnija l-komunità, fosthom il-kultura.

“Permezz tar-rabta bejn l-edukazzjoni u l-kultura, qed nagħtu opportunità oħra biex l-edukazzjoni nagħtuha dimensjoni oħra – dimensjoni li hija importanti daqs l-edukazzjoni li l-istudenti tagħna jieħdu fil-klassijiet tagħhom,” qal il-Ministru Clifton Grima.

L-aspett uniku ta’ din il-wirja huwa l-integrazzjoni tal-għana, il-kanzunetta folk tradizzjonali Maltija, bħala mezz ta’ rakkontar tal-istorja. Il-produzzjoni tinkludi diversi stili ta’ għana, inkluż għana tal-fatt, makjetti, u forom tradizzjonali oħra, akkumpanjati mill-ħsejjes ikoniċi tal-kitarra Maltija.

RepubblikGħana hija mmirata lejn studenti tal-iskejjel primarji u sekondarji u tgħaqqad elementi mużikali u teatrali, b’narrattiva msejsa fuq il-wirt kulturali u storiku ta’ Malta. L-ewwel produzzjoni ta’ RepubblikGħana se tittella’ nhar l-Erbgħa 15 ta’ Jannar 2025, fl-10.30am, fl-Iskola Primarja ta’ Sant’Iermu, il-Belt Valletta.

Se jkun qed jitqassam ukoll il-ktieb “Ir-Repubblika Ta’ Malta: L-Ewwel Ħamsin Sena” fl-iskejjel kollha, bħala parti minn din l-inizjattiva edukattiva.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport