Notte Bianca tinsab biss jumejn ’il bogħod u tħabbru l-aħħar preparamenti u miżuri loġistiċi għal din is-serata. Notte Bianca se tinkludi aktar minn 50 prestazzjoni multidixxiplinarja minn artisti lokali u internazzjonali, madwar diversi żoni fil-Belt Valletta.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra u Frans Agius, u s-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay, matul konferenza tal-aħbarijiet ħeġġew lill-pubbliku li se jattendi għal din l-attività sabiex jagħmel użu mit-trasport pubbliku, li se jestendu l-ħinijiet tal-operat tagħhom, sabiex tiġi mitigata l-konġestjoni tat-traffiku waqt l-avveniment.
Ġie mħabbar ukoll li s-servizz tal-laneċ minn Tas-Sliema u t-Tlett Ibliet lejn u mill-Belt se jkun qed jopera wkoll b’ħinijiet estiżi sas-sagħtejn ta’ filgħodu. Is-servizz tal-Fast Ferry lejn Għawdex mill-Belt Valletta se jżid vjaġġ fin-nofs siegħa ta’ filgħodu.
Il-Ministru Bonnici esprima sodisfazzjon għall-fatt li f’din l-edizzjoni tan-Notte Bianca se naraw aktar minn 50 avveniment artistiku u l-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 250 artist. “Notte Bianca hija festa vibranti, mimlija b’kuluri, attivitajiet u arti. Din hi okkażjoni fejn talenti lokali u internazzjonali jiltaqgħu biex jagħtu ħajja ġdida lill-Belt Valletta permezz ta’ espressjonijiet kreattivi mill-aqwa,” tenna l-Ministru Bonnici.
Id-Direttur Artistiku, Antoine Farrugia, spjega kif Festivals Malta ħa ħsieb jorganizza kull prestazzjoni f’rotta artistika partikolari sabiex l-udjenzi jkunu jistgħu jsibu l-avvenimenti li jinteressawhom b’mod faċli. Fuq is-sit elettroniku ta’ Festivals Malta, wieħed jista’ wkoll isib mappa interattiva li tkompli tiffaċilita r-rotta tal-udjenza matul is-serata. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jippjana minn qabel biex jiżgura esperjenza pjaċevoli waqt Notte Bianca.
Ġie spjegat ukoll li min jippreferi li jivvjaġġa bil-vettura personali tiegħu għandu jieħu nota li s-Sibt, 5 ta’ Ottubru, il-Belt Valletta mhux se tkun aċċessibbli wara l-erbgħa ta’ waranofsinhar u l-aċċess bil-karozza se jkun possibbli biss permezz tar-ring road. Ir-residenti se jkunu jistgħu jidħlu l-Belt billi jippreżentaw il-karta tal-identità tagħhom. Uffiċjali ta’ Transport Malta se jkunu disponibbli fuq il-post għall-immaniġġjar tat-traffiku.
Il-Ministeru u Festivals Malta rringrazzjaw lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, il-Pulizija ta’ Malta, Transport Malta, LESA, Civil Protection Department, Malta Public Transport, Cleansing and Maintenance Department, u l-Lands Authority, tas-sostenn u l-kollaborazzjoni tagħhom sabiex avveniment bħal Notte Bianca jiġi mtella’ b’suċċess.
Notte Bianca hija organizzata minn Festivals Malta, bis-sapport tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali b’kollaborazzjoni ma’ 89.7 Bay, Bay Easy, Inkontru.app, GSD Marketing Ltd, u European Heritage Days.
Għal programm dettaljat tal-festival żur www.festivals.mt/nb.