Raġel kien immultat €2,400 wara li nstab ħati li saq b’mod traskurat waqt li kien xurban, b’konsegwenza li baqa’ dieħel f’karozza tal-Pulizija li kienet ipparkjata, fejn spiċċa weġġa’ kuntistabbli.
Fil-Qorti, ġie spjegat li l-każ seħħ fil-bidu ta’ Jannar ta’ sentejn ilu fil-Fgura, meta karozza tal-Pulizija kienet qed tagħlaq karreġġjata minħabba li kien seħħ inċident tat-traffiku.
L-imputat kien mixli li saq bi traskuraġni, li saq waqt li kien taħt l-effett tax-xorb, li weġġa’ ħafif lill-pulizija u li naqas li jipprovdi l-liċenzja tas-sewqan lill-Pulizija meta mitlub jagħmel dan.
Fil-Qorti, xehed il-kuntistabbli li ġarrab xi ġrieħi fejn spjega li huwa kien fil-karozza bid-dwal mixgħulin waqt li kien qed jgħin lill-kollegi tiegħu jagħlqu t-triq minħabba l-inċident.
Ingħad li ħin minnhom baqgħet dieħla karozza għal ġo fihom u li x-xufier ħareġ mill-karozza jidħak. Kien dak il-ħin meta l-Pulzija ndunaw li l-imputat kien xurban.
Fil-Qorti, xehdu wkoll uffiċċjali tal-Pulizija li kienu fuq il-post tal-istess inċident. Huma spjegaw li r-raġel deher diżorjentat, kien qed jaġixxi qisu xurban u meta talbuh il-liċenzja tas-sewqan qalilhom li ma kinitx fuqu.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Antoine Agius Bonnici sema’ s-sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni u tad-Difiża. Huwa sab lill-imputat ħati u minbarra li mmulta €2,400, skwalifikalu l-liċenzja għal sitt xhur u naqqaslu disa’ punti mil-liċenzja tas-sewqan.


