Friday, December 20, 2024

Immultat €3,150 wara li saq vettura bla liċenzja tas-sewqan

Il-Qorti tal-Appell ċaħdet it-talba tal-appellant għall-mitigazzjoni fil-piena

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, ċaħdet talba biex tiġi revokata l-piena mogħtija lil raġel ta’ 26 sena li fl-14 ta’ Marzu tas-sena l-oħra, għall-ħabta tas-1.50 a.m. saq vettura bil-mutur fi Triq Dragonara, San Ġiljan, liema vettura ma kellhiex polza tal-assigurazzjoni li tkopri terzi persuni.

Fis-7 ta’ Marzu li għadda, il-Qorti tal-Maġistrati sabet lil Miguel Zammit ħati ta’ dawn l-akkużi u ġie kkundannat multa ta’ €3,150, kif ukoll ġie skwalifikat milli jkollu jew jikseb liċenzja tas-sewqan għal żmien sena u xahar.

L-imputat ammetta it-tieni akkuża, filwaqt li ċaħad l-akkuża l-oħra, u għalhekk talab li l-piena mogħtija lilu tiġi ridotta. Fix-xhieda tiegħu huwa argumenta li dakinhar li seħħ il-każ, huwa kien qed isuq il-vettura – li mhix koperta b’liċenzja għat-triq u assiguarazzjoni – fi propjetà privata, mhux fi triq pubblika, u għalhekk l-akkużi miġjuba kontrih mhumiex minnhom.

Żewġ uffiċjali tal-pulizija xehdu li l-imputat kien dar mar-roundabout bil-karozza u saq fuq il-linja opposta (wrong side). Bi qbil ma’ dan, il-Qorti qalet li jekk tingħata ħarsa lejn il-konfigurazzjoni tat-triq pubblika kif ukoll lejn il-pożizzjoni tar-roundabout fil-Westin Dragonara Resort, huwa loġiku illi s-sekwenza tal-fatti seħħew kif irrakkuntati mill-pulizija, u mhux kif qal l-appellant; għalkemm huwa minnu li l-imputat twaqqaf mill-pulizija fi propjetà privata, dan bl-ebda mod ma jelimina l-fatt li huwa kien qed isuq fi triq pubblika, għaliex huwa deher dieħel mit-triq pubblika għal-lukanda.

Barra minn hekk, it-triq li kien fiha fid-Dragonara hija mogħdija aċċessibbli għall-pubbliku minħabba li m’hemmx restrizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul u l-ħruġ minn dik iż-żona partikolari tal-lukanda. Fil-fatt il-pubbiku jista’ jidħol u joħroġ b’mod liberu mingħajr ħlas.

Il-Qorti tal-Appell ma rat l-ebda raġuni valida għala għandu jkun hemm mitigazzjoni fil-piena mogħtija lill-appellant, anki minħabba li l-appellant ma kkontestax il-fatt li saq il-vettura mingħajr liċenzja tat-triq u polza tal-assigurazzjoni li tkoprieha kontra riskji għal terzi, tant li dan l-aġir minnu nnifsu jwassal għall-konferma tal-ħtija mill-appellant għall-ewwel u t-tielet imputazzjoni.

Rappreżentanta ta’ Transport Malta, fix-xhieda tagħha kkonfermat li fil-jum imsemmi, huwa ngħata ċitazzjoni u l-liċenzja tat-triq kienet ilha skaduta mit-30 t’April 2022.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti ċaħdet l-appell u sussegwentement ikkonfermat s-sentenza mogħtija fl-ewwel Qorti.

Ekonomija

Sport