Żagħżugħ li insulenta lill-pulizija fis-sigħat bikrin tat-Tnejn li għadda wara li kien twaqqaf minħabba li kien qiegħed iġorr flixkun tal-ħġieġ f’Paceville kien immultat €800. Bylaw tipprojbixxi lin-nies milli jġorru kontenituri tal-ħġieġ fit-toroq ta’ Paceville.
L-inċident seħħ meta l-uffiċjali lemħu lil raġel Zvediz ta’ 23 sena jġorr flixkun tal-ħġieġ fi Triq San Ġorġ, għall-ħabta tat-3.00 a.m. Huma kienu marru fuqu u meta ħadulu l-flixkun, dan irreaġixxa u allegatament beda jgħid kliem offensiv fil-konfront tal-uffiċjali.
Ir-ragel tressaq fil-Qorti t-Tlieta filgħodu, fejn ammetta l-akkużi miġjuba kontra tiegħu fosthom li hedded u insulenta lill-uffiċjali.
L-Ispettur Roderick Attard, li mexxa l-Prosekuzzjoni f’dan il-każ, qal li l-imputat irrikonoxxa li kien żbalja u ssuġġerixxa li tingħata piena fil-minimu tagħha.
Wara li kkunsidrat iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ u s-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Maġistrat Charmaine Galea kkundannatu multa ta’ €800.