Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea nieda uffiċjalment l-istaġun 2026-2027 tad-De Valette Chamber Orchestra (DVCO), bi programm li jgħaqqad mużiċisti internazzjonali ta’ fama, opportunitajiet għat-talent emerġenti u inizjattivi li jippromwovu l-identità kulturali u kreattiva ta’ Malta fuq livell internazzjonali.
Waqt it-tnedija, il-Ministru Malcolm Paul Agius Galea enfasizza l-importanza li jkomplu jinvestu fl-iżvilupp tat-talent lokali u joħolqu opportunitajiet sabiex l-artisti Maltin ikunu jistgħu jikkollaboraw ma’ artisti internazzjonali.
“Bħala Gvern, kommessi li nkomplu nappoġġjaw l-eċċellenza artistika u noħolqu aktar opportunitajiet ta’ taħriġ u esperjenza professjonali għall-mużiċisti żgħażagħ tagħna. Permezz ta’ inizjattivi bħal Born in Malta, qegħdin inkomplu nsaħħu l-preżenza kulturali ta’ pajjiżna fix-xena internazzjonali, filwaqt li nagħtu lit-talent Malti l-opportunità li jilħaq udjenzi usa’,” sostna l-Ministru Agius Galea.
L-istaġun il-ġdid jibni fuq il-pedamenti tal-ewwel sena tal-orkestra, taħt it-tmexxija tad-Direttur Mużikali u Prim Vjolinist Carmine Lauri u tad-Direttur Artistiku Anna Kosińska. Tħabbret ukoll il-ħatra tal-vjolist Brittaniku Timothy Ridout, rebbieħ ta’ Gramophone Award, bħala Artist fir-Residenza għall-2026-2027. Ridout se jikkollabora mal-orkestra matul l-istaġun, fosthom fil-kunċert A Voice of Velvet, li se jittella’ fit-Teatru Manoel fl-20 ta’ Novembru 2026.
Fit-22 ta’ Novembru 2026, l-orkestra se tippreżenta l-kunċert Born in Malta fi Brussell, bħala parti mill-International DV’Classical Chamber Music Festival, b’kollaborazzjoni mal-Grupp Corinthia u l-Corinthia Grand Hotel Astoria Brussels. Din l-inizjattiva tpoġġi l-mużika Maltija fuq quddiem, filwaqt li tgħaqqadha mal-arti viżiva, il-moda, id-disinn u s-snajja’ artiġjanali.
L-istaġun jagħti wkoll importanza lill-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ mużiċisti permezz ta’ masterclasses u t-tnedija tad-DVCO Academy Orchestra. Din se toffri esperjenza prattika f’ambjent orkestrali professjonali, fejn mużiċisti żgħażagħ se jkollhom l-opportunità jipparteċipaw fi provi, kunċerti u proġetti ta’ reġistrazzjoni flimkien ma’ mużiċisti professjonali.
Il-programm jinkludi wkoll l-inizjattiva Connecting Cultures, li dan l-istaġun se tiffoka fuq il-Georgia, kif ukoll kollaborazzjoni mat-Tour Uffiċjali tar-Rebbieħa tas-17-il Kompetizzjoni Internazzjonali tal-Vjolin Henryk Wieniawski, li permezz tagħha l-orkestra se tilqa’ f’Malta lir-rebbieħ tal-ewwel premju f’Ġunju 2027.
Id-Direttur Mużikali Carmine Lauri u l-Kap Eżekuttiv Edward Zammit enfasizzaw l-impenn tal-orkestra li tkompli tippreżenta mużika tal-ogħla livell, trawwem it-talent żagħżugħ u ssaħħaħ il-preżenza artistika tagħha lil hinn minn xtutna.
Għal aktar informazzjoni dwar il-programm u l-kunċerti, wieħed jista’ jżur www.devalettechamberorchestra.
