Friday, November 22, 2024

Imniedi l-Paceville Town Centre Management Committee

Aqra wkoll

Tnieda l-Paceville Town Centre Management Committee. Dan il-kumitat ser ikun organu fi ħdan l-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni għaż-Żoni Turistiċi u ser jinvolvi diversi rappreżentanti ta’ settur pubbliku u dak privat li għandu operat f’Paceville li jinkludu l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandiera u r-Restoranti (MHRA), il-Kunsill Lokali San Ġiljan, il-Korp tal-Pulizija, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), l-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering u s-settur privat.

L-għan aħħari ser ikun li permezz ta’ dan il-kumitat għall-ewwel darba lokalità f’Malta takkwista l-Purple Flag. Dan huwa rikonoxximent li permezz tiegħu żona li tinvolvi l-attività turistika u d-divertiment tissodisfa kriterji li jinvolvu standards ta’ kwalità ogħla fejn jidħlu l-qasam kummerċjali, infrastruttura, sigurtà, indafa u ambjent inġenerali.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni għaż-Żoni Turistiċi Dennis Vella, iċ-Chairman tal-Paceville Town Centre Management Committee Phillip Fenech u Fr. Hillary Tagliaferro f’isem il-Millenium Chapel.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo rrimarka li Paceville għaddej minn trasformazzjoni kbira f’dak li huma proġetti ġodda u allura dan jista’ joħloq kemm opportunitajiet kif ukoll inkonvenjenzi sakemm il-proġetti jitlestew. “L-għanijiet tal-kumitat ta’ Town Centre Management għal Paceville ser jikkonsisti li b’kollaborazzjoni bejn settur privat u dak pubbliku ser jiltaqa’ regolarment biex jiddiskuti u jimplimenta proposti intenzjonati għat-tisbiħ ta’ żona, riċerka dwar l-attivitajiet kummerċjali, sostenibbiltà ta’ ċentru urban, elementi soċjali u residenzjali u anki diversi sfidi relatati ma’ din iż-żona li tilqa’ eluf ta’ viżitaturi kważi kuljum”, saħaq il-Ministru Clayton Bartolo.

Huwa żied jgħid li l-akkreditazzjoni tal-Purple Flag ma tiffokax biss fuq is-settur tad-divertiment, imma tanalizza l-lokalità b’mod ħolistiku. Fl-istess attività ġie ffirmat ftehim ta’ tliet snin li permezz tiegħu l-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi ser tgħin finanzjarjament biex jissaħħu s-servizzi li jingħataw mill-Millenium Chapel u Wish Others Well.

Sport