Thursday, December 2, 2021

Imniedi l-Premju Soċjetà Ġusta

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli tniedi l-ftuħ tan-nominazzjonijiet għal dan il-premju

Għal darb’oħra, il-Gvern se jkun qiegħed jippremja l-ħidma, l-impenn u d-dedikazzjoni li wrew nies jew azjendi partikolari fis-settur tad-diżabilità permezz tal-Premju Soċjetà Ġusta. 

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli nediet il-ftuħ għan-nominazzjonijiet għal dan il-premju li se jkun qiegħed jingħata bħala l-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet waqt il-ġimgħa ddedikata għad-diżabilità. 

B’kollox se jkunu qegħdin jingħataw ħames premjijiet. Dawn jinkludu l-Premju għal kisba tul il-ħajja fis-settur tad-diżabilità; Premju għal ħidma fit-tisħiħ tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità; Premju Soċjetà Ġusta; Premju parteċipazzjoni attiva fl-isport, arti u kultura; u Premju għall-iktar post tax-xogħol li jopera b’mod inklussiv. 

Waqt it-tnedija tal-ftuħ tan-nominazzjonijiet, il-Ministru Farrugia Portelli spjegat kif permezz ta’ dan il-premju l-Gvern irid jirrikonoxxi lil dawk il-persuni li bil-kwalitajiet tagħhom irnexxielhom jagħmlu differenza kbira u pożittiva fil-ħajjiet tal-persuni b’diżabilità. 

Il-Ministru spjegat li l-Gvern irid jesprimi apprezzament lil kull min jaħdem għal soċjetà iżjed inklussiva, fejn persuni b’diżabilità u dawk qrib tagħhom, bħall-familjari u assistenti tagħhom, ikunu jistgħu jesperjenzaw atteġġjamenti aktar miftuħa, aċċessibilità u kundizzjonijiet li jinkoraġġixxu għajxien indipendenti u fil-komunità. 

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li l-prinċipju li se jiggwida l-għażliet għal dan il-premju se jkun dak li jkollna soċjetà aktar ġusta, fejn il-persuni b’diżabilità jieħdu sehem attiv fil-komunità. Saħqet li bħala soċjetà aħna fid-dmir li nkissru l-isterjotipi. 

Il-Ministru qalet li rridu nippremjaw u nroddu ħajr lil dawk li b’għemilhom jimbottaw lill-persuni b’diżabilità biex jinstinkaw ħalli f’ħajjithom joħorġu l-abbiltajiet li għandhom u anke jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. 

Farrugia Portelli spjegat li dan il-premju għaqqad ukoll mal-valuri li tnedew fl-iStrateġija Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Persuni b’diżabilità iktar kmieni din is-sena. Spjega kif b’mod speċjali dan il-premju jagħti r-rikonoxximent lill-individwi b’diżabilità u organizzazzjonijiet volontarji li matul is-sena jaħdmu bla heda u jniedu diversi inizjattivi relatati ma’ dan is-settur sabiex tiżdied l-aċċessibilità u l-inklużjoni. 

Il-Bord ta’ Evalwazzjoni għall-Premju Soċjetà Ġusta 2021 se jkun qed jilqa’ n-nominazzjonijiet għal dan il-premju. Il-formola ta’ applikazzjoni trid tittieħed jew tintbagħat l-uffiċini tal-Ministeru għall-Inklużjoni u Kwalità tal-Ħajja, 89, Palazzo Francesco, Triq Sir Ugo Mifsud, Lija, jew inkella tintbagħat online fuq is-sit www.inkluzjoni.gov.mt. Il-formola tinkiseb mill-istess uffiċini, kif ukoll mis-sit online. 

L-applikazzjonijiet jagħlqu nhar it-30 ta’ Novembru 2021 f’nofsinhar. Applikazzjonijiet li jaslu wara d-data tal-għeluq ma jiġux kkunsidrati. 

Sport