
Il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali permezz tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) qed iniedi proġett estensiv ta’ riġenerazzjoni u riabilitazzjoni tal-kumpless City Gate fil-Belt Valletta, bil-għan li dan l-ispazju jerġa’ jingħata ħajja ġdida bħala ċentru modern, sigur u ffukat fuq il-komunità.
Dan il-proġett qed isir b’koperazzjoni mal-Awtorità tal-Artijiet, id-Direttorat tar-Restawr u l-Preservazzjoni u l-Public Works. L-investiment totali mistenni jilħaq il- €5 miljun.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal, “Wara snin twal ta’ telqa u nuqqas ta’ manutenzjoni, din iż-żona tilfet ħafna mill-valur estetiku u soċjali tagħha u ma tirriflettix il-livell kulturali u arkitettoniku li wieħed jistenna fid-daħla tal-kapitali tagħna. Dan il-proġett għandu l-għan li jittrasforma l-kumpless City Gate f’ambjent aktar ħaj, sigur u aċċessibbli, li jikkumplimenta r-riġenerazzjoni li diġà saret fil-Belt Valletta, filwaqt li jwieġeb għall-bżonnijiet soċjali u kulturali tal-komunità.”
Il-Ministru Bonnici żied jgħid li, “Dan l-approċċ integrat għandu jwassal biex il-kumpless City Gate tinbidel fi spazju ċentrali għall-komunità, li jirrifletti l-ħtiġijiet urbani tal-lum filwaqt li jirrispetta l-identità storika tal-Belt Valletta.”
Fost il-miżuri ewlenin proposti hemm ir-riabilitazzjoni tal-ħwienet u l-istabbilimenti tal-ikel eżistenti fil-livell terran. L-okkupanti preżenti se jżommu l-kirja tagħhom, filwaqt li l-postijiet tagħhom se jiġu rranġati u mmodernizzati biex joffru servizz u esperjenza aħjar lill-pubbliku.
Element ċentrali tal-proġett se jkun il-ħolqien ta’ spazju multifunzjonali fuq l-ewwel sular. Dan huwa maħsub li jkun ambjent modern u inklussiv li jista’ jilqa’ fih attivitajiet kulturali, kreattivi u soċjali differenti.

Dan l-ispazju se jinkludi wkoll żona sensorjali u ta’ benesseri li toffri ambjent kalm u immersiv għal residenti u viżitaturi li jkunu qed ifittxu spazju ta’ mistrieħ u riflessjoni f’ambjent urban dinamiku. Il-proġett jinkludi elementi bħal dawl adattat, ħsejjes rilassanti, elementi viżivi ispirati min-natura u installazzjonijiet interattivi. Għalkemm immirat partikolarment lejn iż-żgħażagħ, l-ispazju se jkun miftuħ għal kulħadd.
Fl-ewwel sular se tinħoloq ukoll żona ddedikata għal wirjiet temporanji tal-arti, sabiex artisti emerġenti u stabbiliti jkollhom pjattaforma fejn jesebixxu xogħlijiet differenti bħal pitturi, skulturi u installazzjonijiet artistiċi.

Parti importanti oħra mill-proġett hija r-rilokazzjoni tal-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta minn Pjazza San Ġorġ għaż-żona ta’ fuq tal-Belt. Il-proġett se jkun ukoll kompletament aċċessibbli għal kulħadd, permezz ta’ lifts u escalators sabiex persuni ta’ kull età u b’livelli differenti ta’ mobilità jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-faċilitajiet offruti.
Il-proġett huwa ppjanat li jitlesta f’perjodu massimu ta’ sentejn.


