Wednesday, May 27, 2026

Kwistjoni ta’ kredibilità

Aqra wkoll

Wasalna fl-aħħar kiem tal-Kampanja Elettorali Elezzjoni Ġenerali 2026. Nhar il-Ħadd li ġej nkunu nafu r-riżultat. Segwejt kemm stajt. Qrajt kemm stajt. Rajt kemm ­stajt. Wasalt għal konklużjoni waħda: kemm għandna pajjiż b’saħħtu finanzjarjament u ekonomikament. 

Li ma kienx hekk ma naħsibx li kont nara u naqra dak li rajt u smajt. Huwa veru li fejn tħabbat qalbi politikament jafu kulħadd, imma DEJJEM provajt  nifli u nixtarr dak li nara u nisma’. QATT ma mxejt bħaż-żiemel meta jkollu għajnejh mgħammdin. Imma dak li hu tond ma tistax ssejjaħlu kwadru. Fil-verità tista’ dak li hu tond issejjaħlu kwadru imma tkun taf li qed tgħaddi ż-żmien bik innifsek u tkun taf ukoll li diffiċli tkun emmnut.

Bħali taf li  l-Partit Nazzjonalista,  b’kull mezz disponibbli għalih, KIEN ilu snin jipprova jbeżżgħek li l-finanzi tal-pajjiż kienu f’sitwazzjoni mwegħra. KIEN ilu snin itambar kemm qed jikber id-dejn tal-pajjiż. KIEN ilu snin iħambaq li għandna ekonomija mibnija fuq in-numri. KIEN ilu snin ipinġi stampa li dak li kien qed jgħid il-Gvern kien kollu finta. Kollu falz. Kollu duħħan fl-ajru. KIEN ilu snin jipprova jħammeġ lill-Gvern Laburista fil-fora internazzjonali anke dwar il-finanzi tal-pajjiż.

F’daqqa waħda, minn wara l-ewwel jiem tal-kampanja elettorali, il-Partit Nazzjonalista waqaf minn dan kollu. Naħseb li bħali ­ndunajt li tul il-kampanja l-Partit Nazzjonaliusta kien kontinwament IŻOMM pass lura. Mhux JINQABAD pass lura, imma JŻOMM pass lura. Ir-raġuni għal din l-istrateġija, għal din it-tattika, bdiet tiċċara minn jum għall-ieħor, speċjalment meta finalment il-Partit Nazzjonalista beda jniedi l-proposti tiegħu.

Ara għall-affari tiegħek jekk hux veru li l-maġġoranza assoluta tal-proposti tal-Partit Nazzjonalista huma simili għal dawk tal-Partit Laburista, allura mnedija mill-inqas ġurnata qabel, imma  b’żieda ta’ xinxilla jew tnejn. Eżempju klassiku: Il-Prim Ministru Robert Abela jgħid li l-Partit Laburista għandu programm b’100 proposta għal Għawdex u ġurnata jew tnejn wara joħroġ il-Kap Nazzjonalista  Alex  Borg u jgħid li l-Partit Nazzjonalista għandu programm għal Għawdex b’120 proposta!

Ovvjament Programm Elettorali finalment huwa programm ta’ xogħol għal-leġiżlatura li jkun imiss għall-partit li jingħata l-fiduċja għat-tmexxija tal-pajjiż. Mhux se nidħol f’kemm jiswew flus il-proposti kollha mwegħdin miż-żewġ partiti politiċi ewlenin. Ma nagħmilx dan għax  nippretendi li huma konxji minn dan. U nippretendi li t-tnejn huma konvinti li flus għalihom fil-kaxxa ta’ Malta HEMM. 

Lanqas se  nidħol fil-mod kif il-Ministru għall-Finanzi attwali, Clyde Caruana, immartella u ġab irmied proposti ewlenin tal-Partit Nazzjo­nalista fejn jirrigwarda stimi finanzjarji għalihom.

Li rrid nenfasizza f’dan l-istadju huwa f’liema stadju l-Partit Nazzjonalista kien/qiegħed jinganna fir-rigward ta’ finanzi. F’xi stadju jew ieħor kien qed JINGANNA. Il-Partit Nazzjonalista kif se jiffinanzja dak kollu li qiegħed iwiegħed, la darba, skont hu, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-pajjiż hija mwegħra? KIEN qed jittanta jinganna lill-poplu meta kien għamel kantaliena sħiħa ­jwerwer lill-poplu mis-sitwazzjoni finanzjarja tal-pajjiż? Għaliex il-Partit  Nazzjona­lista waqaf ħesrem mir-retorika dwar il-finanzi tal-pajjiż? Sitwazzjoni finanzjarja mwegħra jew sitwazzjoni finanzjarja tant soda li abbażi tagħha l-Kap Nazzjonalista jħossu komdu jwiegħed dak li wiegħed? Ilbieraħ jew illum il-Partit Nazzjonalista kien/qiegħed fl-ingann.

U dan iġibni għat-titlu ta’ dan il-kummentarju: Kwistjoni ta’ kredibilità.

Il-fatti jibqgħu fatti. Il-kredibilità tinbena fuq il-mod kif tkun aġixxejt. Gvern Laburista attwali mmexxi minn Robert Abela u dak preċedenti mmexxi minn Joseph Muscat, wettqu dak li wegħdu. Wasslu lill-poplu fis-sitwazzjoni komda li jinsab fiha llum. Saru affarijiet b’risq il-poplu li pajjiżi barranin ferm u ferm akbar minna lanqas biss joħolmuhom. Tiffaċċja lill-Partit Nazzjonalista  b’din l-attwa­lità t-tweġiba tiegħu tkun li hu  mhux qiegħed fil-Gvern, hu qiegħed jipproponi u jħossu konvint li jasal. Ma jwieġbekx dwar dak kollu li għidtlek. Ir-reazzjoni għal dan għalija hija ċara: Meta l-pajjiż kien iffaċċjat minn kriżi mondjali bħal dik kawżata  mill-pandemija  COVID-19, il-Partit Nazzjonalista flok offra spalla lill-Gvern kif kien fid-DOVER li jagħmel fl-interess nazzjonali, kienu  mqabbdin f’xagħar xulxin, f’intriċċi u konġuri biex itajru mit-tmexxija tal-partit Kap li kien elett demokratikament mit-tesserati tal-Partit Nazzjonalista. Kien hemm min kellu l-ardir li pprovaw jinvolvu f’dawn l-intriċċi interni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista saħansitra lill-Pre­sident tar-Repubblika. U ġew jaqgħu u jqumu mill-interess tal-poplu. 

Il-Partit Nazzjonalista warrab l-interess tal-poplu anke fil-kwistjonijiet maħluqin mill-gwerer Russja/Ukranja u Stati Uniti amalgamati ma’ Iżrael kontra l-poplu Palestinjan u kontra l-Iran. Ħidmiethom ma kinetx  bażata biss lokalment imma anke fil-fora internazzjonali bil-Gvern tal-pajjiż l-unika mira distruttiva tagħhom.

Nhar it-30 ta’ Mejju l-poplu għażla waħda għandu: Iridx ikompli jibni fuq dak li minnu l-pajjiż DIĠÀ bbenefika qatigħ, fuq dak PRUVAT jew iridx jagħmel qabża fil-għama.

[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport