Wednesday, May 27, 2026

Operazzjoni ta’ ritorn sfurzat 

Aqra wkoll

Il-Pulizija tal-Immigrazzjoni keċċiet mill-pajjiż Maċedonjan ta’ 36 sena wara li pprova jisfida projbizzjoni ta’ dħul fiż-Żona Schengen. 

Lura fi Frar li għadda, ir-raġel ingħata Ordni ta’ Tneħħija u Ritorn mill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni wara li kien instab ħati ta’ reati marbuta ma’ vjolenza domestika u użu ħażin tal-mobile fost l-oħrajn. 

Huwa kien tkeċċa minn Malta u ħarġitlu projbizzjoni li twaqqaflu l-aċċess għaż-żona Schengen (Malta inkluża) għal diversi snin, jiġifieri ma setax jirritorna f’pajjiżna. 

F’April, ir-raġel ipprova jerġa’ jidħol Malta iżda twaqqaf milli jagħmel dan mill-Uffiċjali talFruntiera u l-Pulizija tal-Immigrazzjoni stazzjonati fl-ajruport abbażi tal-projbizzjoni li kienet fis-seħħ. 

Huwa reġa’ intbagħat f’ċentru ta’ detenzjoni taħt il-ħarsien tal-Aġenzija għasServizzi ta’ Detenzjoni sakemm saru l-arranġamenti kollha neċessarji biex ir-raġel jitneħħa mill-pajjiż b’mod sfurzat. 

Tkeċċew ukoll żewġt irġiel minn pajjiż fl-Afrika ta’ Fuq li kienu daħlu irregolarment permezz tal-baħar fl-aħħar snin. Huma kienu applikaw għall-protezzjoni, liema applikazzjoni u appell ma’ ġewx milqugħa għax ma’ kkwalifikawx għall-protezzjoni. 

Wieħed mill-irġiel inżamm mill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni waqt spezzjoni ta’ infurzar. It-tieni raġel ġie arrestat fix-Xemxija minn Pulizija tar-Roads Policing Unit waqt kontroll tat-traffiku. 

Il-persuni kollha ġew miżmuma f’ċentru ta’ detenzjoni taħt il-ħarsien tal-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni sakemm twettqu l-operazzjonijiet ta’ ritorn sfurzat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport