Sunday, November 24, 2024

Imniedi servizz ta’ Ultrasound f’San Vinċenz de Paul

Aqra wkoll

San Vinċenz de Paul se jkompli jżid mal-kullana ta’ servizzi kliniċi li joffri bl-introduzzjoni ta’ servizz ġdid ta’ Ultrasound, b’investiment ta’ €80,000. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.

Il-Ministru Abela spjega kif is-servizz tal-Ultrasound ser jingħaqad ma’ bosta servizzi ta’ radjoloġija li diġà huma offruti f’San Vinċenz biex permezz tiegħu jkomplu jiffaċilitaw l-ħajja tar-residenti meta jiġu bżonn li jsirulhom dawn it-testijiet.

Il-Ministru Abela stqarr li f’San Vinċenz saru bosta avvanzi fejn tidħol il-kura għall-anzjani, fejn semma kif fid-Day Hospital ta’ San Vinċenz ġew introdotti numru ta’ servizzi u kliniċi ġodda, fosthom dawk tal-oftalmoloġija u radjoloġija. Kompla li mill-bidu tas-sena s’issa, aktar minn 1,300 persuna diġà għamlu użu minn wieħed minn dawn il-kliniċi. “Dan ikompli juri l-importanza li bħala gvern inkomplu ninvestu biex nibqgħu noffru l-ogħla kwalità fejn tidħol is-saħħa u l-anzjani,” tenna l-Ministru Abela.

Permezz tas-servizz tal-Ultrasound ser ikunu qed isiru numru ta’ testijiet relatati ma’ Echocardiogram, abdominali, vaskulari, fl-għonq, u dak ġinekologu. Dan is-servizz ser ikun qed jitmexxa minn radjoloġisti u speċjalisti mill-Isptar Mater Dei.

“L-għan tagħna hu li mhux biss niffaċilitaw il-ħajja tal-anzjani tagħna, inaqqsu l-iskarriġġ u noffru s-servizzi li huma possibbli fir-residenza stess, imma wkoll li noffru dan is-servizz lill-anzjani fil-komunità biex jinqdew f’San Vinċenz. Kommessi li nibqgħu ninvestu biex tibqa’ tingħata l-aħjar kura possibbli lill-anzjani. Għalhekk fiż-żmien li ġej, ma’ din l-istess magna se jkunu qed jiżdiedu żewġ magni oħra,” temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.

Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz Dr Josianne Cutajar saħqet li dan hu servizz ieħor li jifforma parti mill-istrateġija l-ġdida għall-anzjanità attiva, fejn ikompli jsir iktar investiment għal servizzi professjonali li joffru aċċess iktar malajr għal testijiet li jwasslu għal dijanjosi u trattament f’waqtu mingħajr stennija żejda.

Sport