F’San Vinċenz de Paul ġie mniedi t-tieni volum tal-pubblikazzjoni Memorji minn San Vinċenz de Paul. F’din il-pubblikazzjoni, il-Professur Raymond Mangion jiġbor esperjenzi u stejjer tal-anzjani li għexu f’din ir-residenza. Il-ktieb joffri xhieda unika tal-ħajja, it-tradizzjonijiet, u l-kultura li s-soċjetà Maltija għexet u żviluppat matul is-snin.
Din il-ġabra straordinarja tinkludi tradizzjonijiet li llum mhumiex aktar prattikati, kliem u frażijiet li m’għadhomx jintużaw, stejjer emozzjonanti mit-Tieni Gwerra Dinjija, u snajja’ tradizzjonali li ntilfu matul iż-żmien. Il-pubblikazzjoni tenfasizza wkoll kif dawn il-memorji huma essenzjali biex nippreservaw l-identità u l-kultura Maltija.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, kif ukoll Dr Lydia Abela, li għandha qraba intervistati fl-istess pubblikazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea saħaq kif din il-pubblikazzjoni hija turija tal-valur li l-anzjani jagħtu lis-soċjetà permezz tal-memorji u l-esperjenzi tagħhom. “Din il-pubblikazzjoni hija wkoll riflessjoni tal-impenn tagħna li nippreservaw dawn l-istejjer għall-ġenerazzjonijiet futuri, għas-saħħa tal-identità u l-kultura tagħna bħala poplu. Proġetti bħal dawn isaħħu l-apprezzament tal-valuri tagħna bħala poplu u jsaħħu l-impenn biex it-tradizzjonijiet u l-memorji li sawru lil Malta jibqgħu ħajjin,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.