F’laqgħa bejn il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri u l-Ministru għall-Ekonomija tal-Emirati Għarab Magħquda Abdullah bin Touq Al Marri, iż-żewġ naħat qablu li l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi għandha timxi ‘l quddiem bl-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni, primarjament fl-ekonomija diġitali, fis-setturi tal-blockchain, tal-fintech u n-negozji tal-familja.
Din il-laqgħa mal-Ministru tal-Ekonomija tal-Emirati Għarab Magħquda segwiet l-ewwel laqgħa tagħhom f’Mejju li għadda u laqgħa oħra li saret il-ġimgħa li għaddiet meta delegazzjoni mill-Emirati Għarab Magħquda żaret lil pajjiżna għal aktar laqgħat ma’ entitajiet tal-Gvern Malti. Fil-fatt, fil-ġimgħat li ġejjin se jissoktaw il-laqgħat ta’ diskussjoni bejn entitajiet taż-żewġ gvernijiet bil-għan li din il-kooperazzjoni tkompli timmaterjalizza fi proġetti tanġibbli.
Waqt l-istess żjara fl-Emirati Għarab Magħquda, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri attenda u indirizza konferenza dwar il-qasam tal-fintech.
Il-Ministru Schembri kellu laqgħa wkoll maċ-Chairman tal-ADGM, Abu Dhabi Global Markets, Ahmed Jasim Al Zaabi fejn ġiet diskussa l-possibilità li jitwaqqaf fond ta’ investiment għal startups innovattivi bil-għan li dawn isibu l-finanzjament biex jiżviluppaw il-proġetti tagħhom fi prodotti jew servizzi kummerċjali. Dan imbagħad ikompli jattira aktar investiment lejn pajjiżna u joħloq opportunitajiet ġodda bejn iż-żewġ pajjiżi.
“Qegħdin ningħaqdu mal-Emirati Għarab Magħquda sabiex dak li għamilna f’Malta issa naraw li nkomplu nesportawh lil hinn minn xtutna. Dan huwa metodu kif wieħed ikun jista’ ikompli jsaħħaħ il-kuntatt tiegħu bħala pajjiż, isaħħaħ il-preżenza ta’ pajjiżna b’mod internazzjonali, u hekk inkomplu npoġġu lil Malta fuq il-mappa tad-dinja, bħal f’dan il-każ fejn għandu x’jaqsam il-fintech, is-settur tal-blockchain u setturi oħrajn inkorporati fil-qasam tat-teknoloġija u l-ekonomija diġitali”, qal il-Ministru Schembri.
Id-delegazzjoni mmexxija mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, akkumpanjat mill-Ambaxxatriċi Maltija għall-Emirati Għarab Magħquda Maria Camilleri Calleja, kienet tinkludi wkoll lis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija Nancy Caruana kif ukoll rappreżentanti tal-Mimcol, MGI, Tech.Mt, Malta Enterprise u FinanceMalta.