Sunday, May 5, 2024

Impjegati tal-BOV fost il-voluntiera waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa

Aqra wkoll

L-edizzjoni tant mistennija tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa fl-aħħar waslet. Din tnediet b’ċerimonja tal-ftuħ spettakolari fuq il-Fosos tal-Furjana nhar it-Tnejn, 29 ta’ Mejju 2023. Din hija t-tielet darba li Malta qed tospita dawn il-Logħob, wara l-edizzjonijiet tal-1993 u l-2003.

Minħabba l-kalibru ta’ dan l-avveniment, kienu meħtieġa madwar 800 voluntier biex jagħtu l-kontribut tagħhom u jkun żgurat li l-operazzjoni kollha titmexxa bla xkiel. Wara sejħa interna fost l-impjegati, ġew magħżula 10 minn fost dawk li applikaw u ngħataw leave speċjali biex ikunu jistgħu jattendu u jagħtu l-għajnuna tagħhom.

Ray Debattista mill-funzjoni tal-People and Culture tal-Bank iltaqa’ mal-voluntiera lejlet il-ftuħ uffiċjali. “Huwa tassew ta’ pjaċir għalina nagħtu l-appoġġ lin-nies tagħna, bil-għan li jagħmlu esperjenzi ġodda anke lil hinn mill-post tax-xogħol. Il-Bank of Valletta jemmen bis-sħiħ fl-iżvilupp ħolistiku tan-nies tiegħu u jagħti importanza lill-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.”

Huwa kompla jgħid li din l-inizzjattiva torbot mal-impenn tal-Bank li jkun il-Post tax-Xogħol Preferut għall-impjegati tiegħu, għan li l-Bank qed ikompli jaħdem għalih permezz ta’ diversi inizzjattivi li jindirizzaw il-prospetti tal-karriera tal-impjegat, kif ukoll inċentivi oħra bħall-Iskema Volontarja tal-Pensjoni tax-Xogħol, li tnediet ftit xhur ilu.

Kif spjega s-Sur Debattista, hemm kunsens qawwi fost il-maniġment għoli tal-Bank li jrid isir kull sforz possibli biex l-impjegati jingħataw l-appoġġ kollu meħtieġ biex jiżviluppaw kemm fil-ħajja personali tagħhom kif ukoll fil-karriera. L-isports u l-benesseri huma parti essenzjali minn din l-istrateġija, u jingħataw prominenza wkoll fl-impenn li għandu l-Bank lejn ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, li permezz tagħha l-Bank jippromwovi stil ta’ ħajja b’saħħitha u attiva fil-komunità.

Il-Bank of Valletta jieħu din l-opportunità biex jawgura kull suċċess lill-kontinġent Malti waqt dawn il-Logħob kif ukoll lil SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment sportiv nazzjonali.

Sport