Wednesday, March 27, 2024

“Importanti li l-fatti jitressqu korretti waqt li niddiskutu jekk l-abort għandux jiġi dekriminalizzat”

Żgħażagħ favur u kontra l-abort

Aqra wkoll

Il-Parlament fetaħ illum f’seduta speċjali biex jitlaqqa’ l-Parlament taż-Żgħażagħ fejn ġew diskussi diversi temi però ċ-ċentru tad-diskussjoni ddawret fuq l-abort. Kien hemm żgħażagħ li ddikjaraw li jaqblu mal-abort u ressqu l-proposti tagħhom filwaqt li oħrajn qalu li ma kinux jaqblu għax huma favur il-ħajja. 

Fetaħ id-diskussjoni l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Dr Anglu Farruġia li enfasizza dwar it-tħaddim tajjeb tal-valuri u l-prinċipji li huma għonja u tajba. Fost dawn hemm ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-valur tal-imħabba u r-rispett lejn il-proxxmu u lejn ħutna l-bnedmin, il-kunċett ta’ demokrazija parlamentari, l-imħabba lejn pajjiżna, il-lingwa u l-kultura tagħna, il-ħarsien tal-ambjent u l-pajsaġġ ta’ pajjiżna.

Dwar is-suġġett tal-abort, l-Ispeaker qal li rridu niddiskutu jekk dan għandux jiġi dekriminalizzat, li jkun ifisser li min iwettaq l-abort ma jkunx suġġett għall-prosekuzzjoni. “Wieħed jistenna li jkun hemm min jaqbel u anke min ma jaqbilx. Imma tal-inqas id-diskussjoni trid issir f’atmosferma miftuħa u kordjali mingħajr preġudizzju u b’rispett lejn xulxin u importanti li l-fatti jitressqu korretti.”

Huwa fakkar ukoll dwar ir-responsabbiltà li kull Membru Parlamentari għandu. “Dawn għandhom dmir iħarbiku biex dejjem jagħmlu t-tajjeb għall-ġid ta’ kulħadd u fuq kollox illi tiġi protetta s-soċjetà minn kull saram, tiġrib jew atti ħżiena fis-soċjeta tagħna.”

L-Ispeaker tenna jgħid li huwa stmat li kull sena ftit aktar minn 300 persuna f’pajjiżna jħallu Malta biex jagħmlu l-abort. Min-naħa l-oħra, fakkar li l-Unjoni Ewropea, li Malta hi parti minnha, m’għandhiex kompetenza legali fuq dan is-suġġett.

Ekonomija

Sport