Saturday, December 21, 2024

Imut Dun Manwel Curmi – Fundatur tal-Fondazzjoni Arka

Aqra wkoll

Aktar kmieni llum, tħabbret il-mewt ta’ Dun Manwel Curmi, il-Fundatur tal-Fondazzjoni Arka.

Qasam din l-aħbar il-Kappillan tal-Fontana fejn iddeskriva lil Dun Manwel bħala “ĠGANT TAL-KARITÀ”.

Dun Manwel jibqa’ mfakkar għall-imħabba kbira li kellu lejn il-persuni b’diżabbilità tant li snin ilu kien beda joħroġ lil dawn il-persuni minn djarhom biex illum dak li beda hu hija Dar Arka.

F’intervista li kien ta lill-midja lokali, Dun Manwel kien qal kif beda bil-ħsieb biex jibni d-dar għall-persuni b’diżabilità, illum magħrufa bħala Dar Arka. L-Isqof ta’ dak iż-żmien qabel ma’ Dun Manwel biex tinbena Dar Arka iżda qallu biex jara minn fejn se jsib il-flus għad-dar.

Kien qal li kien mar ħdejn l-immigranti Maltin u Għawdxin fl-Awstralja, l-Ingilterra, l-Amerika u l-Kanada biex jiġbor kemm jista’ jkun flus biex tinbena din id-dar – l-ewwel dar tax-xorti tagħha f’Għawdex. Saħaq li kien imur fejn jiltaqgħu dawn l-immigranti u jispjegalhom il-pjan tiegħu biex jgħin lil dawn il-persuni u anke lill-ġenituri tagħhom.

Dun Manwel kien qal fl-intervista li kien ħass il-bżonn li persuni b’diżabilità għandhom joħorġu mid-dar tagħhom fejn kienu jinżammu moħbijin minħabba l-istigma kbira li kienet teżisti. Dun Manwel flimkien ma’ voluntiera bdew joħorġuhom fl-irħula u jagħmlulhom quddiesa u daqxejn ta’ festin żgħir.

Fil-bidu ħames persuni bdew imorru fil-vann iżda ftit wara żdiedu għal 20 persuna.

Id-dettalji tal-funeral se jkunu qegħdin jingħataw aktar tard.

Ekonomija

Sport