Tuesday, May 14, 2024

Imut f’dak li qed ikun maħsub li kien inċident waqt sajda mill-irdumijiet f’Birżebbuġa

Aqra wkoll

Raġel minn Ħal Tarxien li kien irrapurtat nieqes tard ilbieraħ filgħaxija nstab mejjet f’daħla fil-blat fl-inħawi ta’ Għar Ħasan f’Birżebbuġa.

Il-Pulizija rċeviet rapport ilbieraħ għall-ħabta tal-11:00 p.m li anzjan li kien mar jistad ma kienx irritorna d-dar.

Mal-wasla tagħhom fil-post, il-Pulizija sabu l-vettura tiegħu, kif ukoll xi oġġetti personali u affarijiet relatati tas-sajd. 

Minnufih bdew tfittxijiet fiż-żona mill-Pulizija u membri tal-Protezzjoni Ċivili minn fuq l-art, waqt li l-Forzi Armati ta’ Malta assistew bi tfittxijiet fil-baħar permezz ta’ patrol boat u mill-ajru permezz ta’ ħelikopter. 

Sfortunatament, għall-ħabta tal-10:00 a.m intlemaħ katavru mill-bugħaddasa tal-Forzi Armati, fejn ġie kkonfermat li kien tar-raġel ta’ 72 sena. Aktar tard il-katavru ddaħħal fil-Bażi Marittima f’Xatt it-Tiben. 

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-anzjan x’aktarx waqa’ b’mod aċċidentali minn fuq l-irdumijiet waqt li kien qiegħed jistad. 

Bil-każ ġie nfurmat l-Maġistrat tal-Għassa Dr Victor Axiak, li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistu. 

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin. 

Sport