Friday, December 13, 2024

IN-NISA GĦANDHOM POSTHOM FIL-FORMULA 1?

Luana Cini
Luana Cini
Sinoloġista

Aqra wkoll

Dan l-artiklu qed niktbu għal raġuni. Ħafna jaħsbu li jien sirt insegwi l-Formula 1 minn mindu ħareġ is-serje ‘Drive to Survive’ fuq Netflix. Ħafna jaħsbu li n-nisa jaraw il-Formula 1 għax is-sewwieqa gustużi. Ħafna baqgħu bil-mentalità li n-nisa ma jifhmux f’dan l-isport. Bejni u bejn ruħi nidħak daħka u ngħid, “Mur għidilhom li ili nsegwi dan l-isport minn kemm ili niftakar. ”Sport li kont narah mal-familja kollha, staġun wara staġun; ma konniex nitilfu tiġrija waħda u għadna naraw dan l-isport sal-ġurnata tal-lum. Huwa l-iktar sport marbut ma’ qalbi u jkolli nammetti li meta jagħlaq l-istaġun inħoss vojt kbir. Sport li nifhem fih mhux daqs raġel imma iktar.

L-uniċi sewwieqa nisa fl-istorja riċenti li laħqu l-ogħla interess ta’ xi timijiet u prinċipali tal-Formula 1 kienu Sarah Fisher, Sarah Kavanagh, Katherine Legge, Danica Patrick u l-aħħar u mhux l-inqas Susie Wolff. Iżda l-ebda waħda minn dawn is-sewwieqa mhu se jkollhom l-opportunità li qatt se jsuqu fil-Formula 1. S’issa, Sara Fisher għamlet l-istorja għall-McLaren meta ttestjat għal waħda mill-karozzi tagħhom lura fl-2002 fi żmien il-Grand Prix tal-Istati Uniti, u saret l-ewwel mara f’10 snin li saqet karozza tal-Formula 1, u Katherine Legge li saqet il-karozza Minardi minflok Paul Stoddart f’Vallelunga fl-Italja fl-2005.

Catherine Bond Muir hija l-fundattriċi tal-women-owned motorsport championship. Fil-bidu ta’ Marzu li għadda attendiet għal track-test fiċ-ċirkwita tal-Formula 1 f’Barcelona-Catalunya. L-għan ta Muir huwa li teduka lin-nies dwar il-ġlidiet li jiffaċċjaw in-nisa fil-motorsport filwaqt li fl-istess ħin taħdem sabiex teqred dawn l-ostakoli. Għal min isegwi s-serje ta’ Netflix ‘Drive to Survive’ t-telespettaturi jiddaħlu fid-dinja mgħaġġla tal-iktar motorsport popolari fid-dinja. It-telespettaturi jiġu introdotti mas-sewwieqa, mat-timijiet tagħhom, mal-korsijiet differenti li jżuru matul l-istaġun, il-ħolm tagħhom u r-rivali tagħhom. Issa fir-raba’ staġun ta’ dan is-serje, naraw sewwieqa ġodda kif ukoll qodma u tista’ faċilment tinnota li m’hemmx nisa li jsuqu. Dan għaliex ma kien hemm l-ebda sewwieqa nisa tal-F1 f’46 sena.

Għalxiex taħsbu li ma tarax nisa jsuqu fil-Formula 1? Taħsbu li n-nisa fil-fatt ippruvaw u fallew, jew qatt ma ppruvaw itellqu? Mhumiex interessati? Mhumiex tajbin biżżejjed? Ma kellhomx l-opportunità? Hemm xi regolamenti li jipprojbixxu lin-nisa? Hija kwistjoni kemm ta’ reżistenza jew ta’ saħħa u veloċità?

Għat-telespettatur, in-nuqqas ta’ sewwieqa nisa fil-Formula 1 jista’ jiġi attribwit għal misoġinija, sterjotipi kulturali li jargumentaw li “in-nisa huma sewwieqa agħar mill-irġiel” jew “ħadd ma jara l-isports tan-nisa.” Dawk is-sentimenti ċertament jalimentaw il-fastidju li jiffaċċjaw in-nisa fl-motorsport, iżda, kif inhu l-każ tal-preġudizzju, dawn l-ideat huma foloz. “Kieku kont se nisma’ l-kummenti tan-nies dwar kif ħadd ma jara l-isports tan-nisa, is-Serje W ma kinitx teżisti,” tgħid Muir.

F’din l-era ta’ korrettezza politika u drittijiet tan-nisa, irrid infakkarkom fi żmien meta l-imħuħ ma kinux daqshekk miftuħa. Meta sewwieqa tal-karozzi Taljana Maria Teresa de Filippis daħlet għal ħames tiġrijiet tal-Grand Prix bejn l-1958 u l-1959, hija saret famuża talli kellha l-kuraġġ li tidħol f’avveniment li tant kien ilu ddominat mill-irġiel. Sfortunatament, fl-1959 id-direttur tat-tiġrija tal-Grand Prix irrifjuta d-dħul tagħha, u sostna li n-nisa għandhom biss  jidhru lebsin helmet meta jkunu qed jagħmlu xagħarhom. B’xorti tajba, minn dakinhar sar progress! Is-snin sittin raw żieda fil-feminiżmu u l-ugwaljanza sesswali, u filwaqt li n-nisa għadhom mhux rappreżentati tajjeb daqs l-irġiel fejn jidħlu tiġrijiet tal-karozzi, l-affarijiet qed jidhru promettenti għal aktar involviment fil-futur.

Dan is-suġġett tan-nisa u l-Formula 1 niftakar li tfaċċa qabel il-Grand Prix tal-Ġappun tal-2009 wara d-dikjarazzjoni tas-sewwieq tal-Force India Vitantonio Liuzzi  fejn tenna li “Suzuka hija ċirkwit ta’ raġel.” Filwaqt li t-tim tiegħu prova jtaffi s-sitwazzjoni billi ħarġu stqarrija li kien sewwieq “dejjem divertenti”, il-partitarji nisa kienu qajmu protesti fuq il-paġni tal-midja soċjali fejn kienu anke tennew li: “Jekk huwa ċirkwit tal-irġiel, x’qed jagħmel hemmhekk?”

Sinoloġista Luana Cini

Dak iż-żmien, id-Direttur tal-Operazzjonijiet tal-McLaren Martin Whitmarsh irrimarka li t-tim qatt ma kellhom mara ssuq waħda mill-karozzi tagħhom u għalhekk ħasbu li kien wasal iż-żmien. Iżda l-F1 kellha ftit sewwieqa nisa prezzjużi. Allura… Dan għaliex? Ċertament huma permessi imma hemm biss persentaġġ żgħir ta’ bniet li qed jaspiraw jibdew itellqu meta mqabbla mal-mijiet (jekk mhux eluf) ta’ subien li jippruvaw karriera fit-tlielaq, għalhekk iċ-ċans li jaslu għall-F1 dejjem se jkun remot.

Sfortunatament hemm ferm inqas probabilità li l-bniet jieħdu interess fis-sewqan fl-età ta’ ħames snin, meta ċ-champions futuri tal-motorsport ikunu diġà bdew itellqu bil-karts. Meta n-nisa jippruvaw jinvolvu ruħhom, l-isponsors potenzjali tal-motorsport jittrattawhom b’inqas serjetà mill-irġiel. Kważi m’hemm l-ebda flus allokati għan-nisa f’dan it-tip ta’ sport.

Qed ngħixu fit-tielet deċennju tas-seklu 21, fejn id-drittijiet tal-bniedem huma minquxa fil-leġiżlazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Preċedentement, partijiet konservattivi tas-soċjetà qed jiskopru li ċertu fehmiet tagħhom huma fuq in-naħa l-ħażina tal-istorja. L-F1 huwa eżempju ċar ta’ sport iddominat mill-irġiel: tibda mis-sewwieqa, mill-enġiniera u tkompli għall-partitarji. Iżda dan qed jinbidel. Hekk kif it-tlielaq innifsu qed jibbenefika minn titjib fit-teknoloġija, hekk ukoll huma l-metodi għas-soċjalizzazzjoni ma’ partitarji oħra tal-F1. Imma għalkemm huwa sport iddominat mill-irġiel, hemm timijiet kbar fil-Formula 1 fejn jiftaħru li l-ammont ta’ nisa li qed jidħlu jaħdmu fit-tim huwa sostanzjali. Tant hu hekk, li fil-ġurnata internazzjonali tan-nisa, dawk li jaħdmu mat-tim Scuderia Ferrari ħarġu filmat fejn sostnew “Ma jimpurtax jekk aħniex raġel jew mara, ma jimpurtax minn fejn ġej jew liema lingwa nitkellem, aħna lkoll parti minn dan it-tim”. Xewqa tiegħi li nara iktar nisa jinteressaw ruħhom f’dan l-isport u fuq kollox li nara sewwieqa nisa jikkompetu kontra l-irġiel fil-Formula 1. Ejja nkissru kull preġudizzju.

Ekonomija

Sport