Friday, April 19, 2024

Inawgurat il-Qala Dog Park, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Għawdex

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, fil-preżenza tal-Kunsill Lokali tal-Qala, inawgura l-Qala Dog Park, l-ewwel park tax-xorta tiegħu f’Għawdex b’valur ta’ madwar €25,000 u ffinanzjat mill-Ministeru għal Għawdex.

Permezz tad-Direttorat EkoGħawdex li taħtu taqa’ s-sezzjoni għall-Ħarsien tal-Annimali, il-Ministeru żviluppa parti minn Ġnien il-Familja f’park għall-klieb. Dan il-park jikkonsisti f’żewġ sezzjonijiet – parti li hija ddedikata għall-klieb żgħar u parti oħra li hija ddedikata għall-klieb kbar.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li, “L-iskop kien minn dejjem li jkollna post adattat għall-klieb sabiex dawn ikunu jistgħu jiġru u jagħmlu l-eżerċizzju f’dan is-sit. Stajna nżommu n-nefqa baxxa fuq dan il-park għax ħafna mix-xogħol sar mill-ħaddiema tal-gvern.” Fil-fatt, huwa rringrazzja lill-ħaddiema kollha tax-xogħol siewi li għamlu.

Il-park ġie attrezzat b’diversi aċċessorji sabiex il-klieb ikunu jistgħu jagħmlu l-eżerċizzju tagħhom b’mod liberu, fosthom rampi, tunnels, ostakli, għadira żgħira u ċrieki fost affarijiet oħrajn. Il-park huwa mgħammar ukoll b’funtana tal-ilma tax-xorb għall-klieb.

Is-sidien għandhom ikunu dejjem responsabbli u jekk għandhom kelb li jafu li ma jmurx tajjeb ma’ klieb oħra għandhom joqogħdu iktar kawti.

Il-ħinijiet tal-ftuħ tal-park huma mis-7.00a.m. sas-7.00p.m.. Ir-regoli indikati fil-post għandhom jiġu osservati l-ħin kollu.

Sport