Tuesday, April 23, 2024

Inawgurat ix-xogħol li sar fil-Pjazza Annunzjata f’Tas-Sliema

Aqra wkoll

Waqt żjara f’Tas-Sliema, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg inawgura x-xogħlijiet li saru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fil-Pjazza Annunzjata b’investiment ta’ madwar €300,000.

“Nemmnu bi sħiħ fl-importanza ta’ dawn l-ispazji li huma l-qalba ta’ kull belt u raħal u għaldaqstant tibqa’ prijorità tagħna li ngħollu l-livell u l-kwalità ta’ dawn l-ispazji. Bħalma għamilna u qed nagħmlu fi proġetti oħra ta’ dan it-tip fosthom fl-Imqabba, il-Mellieħa u l-Birgu, hawnhekk rajna li nkomplu noffru aktar aċċessibbiltà meta tqis li dawn l-ispazji huma fejn il-komunità tiltaqa’ ta’ kuljum u huma l-punt ewlieni fejn isiru bosta attivitajiet komunitarji bħal festi”, qal il-ministru.

Ix-xogħlijiet fil-pjazza saru wkoll bl-għan li jiġi organizzat aħjar il-parking eżistenti billi jiġu applikati standards kurrenti, kif joħorġu mil-linji gwida tal-Awtorità tal-Ippjanar, fejn jidħol ipparkjar ta’ karozzi fi spazji miftuħa. Biex intlaħqu dawn l-istandards, kellu jinbidel il-mod kif jgħaddi t-traffiku minn din il-pjazza f’direzzjoni minn naħa waħda.

Ix-xogħlijiet li saru jinkudu l-qlugħ tal-asfalt mit-triq eżistenti, it-tqegħid ta’ ground slab tal-konkos, pavimentar ġdid, it-tibdil tal-ispralli kollha tal-kantini, it-tqegħid ta’ pajpijiet ġodda għas-servizzi ta’ taħt l-art, it-tqegħid ta’ numru ta’ manhole covers, it-twaħħil ta’ road markings ġodda, l-installar ta’ lampi ġodda LED, it-tindif ta’ xelter tat-Tieni Gwerra, u l-formazzjoni ta’ żewġ aċċessi adegwati għalih.

Sport