Aktar kmieni llum, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ħabbar it-tlestija tal-ewwel proġett mill-inizjattiva “Vjal Kulħadd” fi Triq Żabbar, li twassal miż-Żejtun għal Ħaż-Żabbar. L-għan tal-inizjattiva Vjal Kulħadd hu li jiġu identifikati toroq u żoni madwar il-pajjiż fejn b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali noffru ambjent aħjar fil-komunitajiet li ngħixu fihom.
Matul ix-xhur li għaddew, sar xogħol estensiv f’din it-triq biex issa ser tkun qed toffri ambjent isbaħ u vjaġġar iktar sigur. F’dan il-proġett, inħolqot żona ta’ ’l fuq minn kilometru li tista’ tiġi użata kemm għal użu pedonali u kemm għal użu bir-roti, imdawwra b’siġar u pjanti indiġeni. Ġibjun ġdid ser ikun qiegħed jindirizza l-problema tal-għargħar li kien hemm fiż-żona filwaqt li l-ilma li jinġabar ser ikun qiegħed jintuża mil-bdiewa tal-madwar biex isaqqu r-raba tagħhom. Fl-aħħar fażi tal-proġett, ġiet installata sistema ta’ dawl ġdida adegwata filwaqt li tqaxxar il-wiċċ antik tat-triq u ingħata saff ġdid t’asfalt, b’sistemi ġodda li jassiguraw veloċità addatta għal din it-triq.

Dan il-proġett ġie inawgurat b’differenza. Infrastructure Malta, b’kollaborazzjoni ma’ diversi għaqdiet lokali għamlet attività fejn għal-lum biss, f’din it-triq ingħalaq l-aċċess għal vetturi u minflok setgħet titgawda mill-familji, b’diversi inizjattivi fosthom żona iddedikata għat-tagħlim tas-sewqan tar-roti fejn tfal u adulti setgħu jitgħallmu jsuqu taħt il-gwida ta’ strutturi esperjenzati.
Il-Ministru Bonett wera s-sodisfazzjon tiegħu għat-trasformazzjoni li għaddiet minnha din it-triq fejn minn spazju dedikat għal vetturi biss, in-nies tal-madwar issa jistgħu jgawdu minn passaġġ sigur u isbaħ għal min irid jagħmel użu minn mezzi alternattivi ta’ trasport bħar-rota u l-mixi. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema kollha tas-servizz tagħhom u lir-residenti tal-madwar li kkoperaw bis-sħiħ mal-awtoritajiet tul dan il-proġett.
Huwa sostna li l-konkorrenza qawwija għal din l-attività tawgura tajjeb għal aktar proġetti li jippromwovu stil ta’ ħajja attiv permezz ta’ żoni pedonali, korsiji għar-roti u spazji ħodor ġodda. Minbarra l-element ambjentali, b’ammont konsiderevoli ta’ siġar u arbuxelli ġodda li nżergħu tul it-triq, saru interventi infrastrutturali importanti li indirizzaw l-problemi tal-għargħar, b’ħażna tal-ilma għal bdiewa tal-madwar. “Inizjattivi bħal dawn juru biċ-ċar il-viżjoni tal-Gvern, dik li l-infrastruttura tal-pajjiż tpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tagħha,” temm jgħid il-Ministru Bonett.
Min-naħa tiegħu, Steve Ellul, Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, spjega kif dan il-proġett ħoloq spazju miftuħ ġdid kif ukoll indirizza problemi li kien hemm bħall-għargħar. Huwa spjega kif xogħol maġġuri bħar-rikostruzzjoni tal-wiċċ tat-triq seħħ matul il-lejl biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għal min jivvjaġġa minn din it-triq. “Fix-xhur li ġejjin ser inkunu qegħdin naraw aktar toroq jieħdu l-ħajja permezz ta’ din l-inizjattiva biex nippromowvu mobbiltà alternattiva u noħolqu aktar żoni miftuħa fil-qalba tal-komunità,” temm jgħid Steve Ellul.
B’investiment ta’ aktar minn għaxar miljun ewro, l-ewwel fażi tal-inizjattiva “Vjal Kulħadd” ser twassal għal trasformazzjoni ta’ 14-il żona differenti f’diversi rħula madwar Malta sal-aħħar tas-sena 2026.