Saturday, November 23, 2024

Inawgurat xogħol ta’ tisbiħ u manutenzjoni f’Joanne Gardens f’Ħal Tarxien biex tgawdih il-komunità

Aqra wkoll

Il-komunità Tarxiniża għandha spazju isbaħ fejn diversi familji jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien. B’investiment ta’ €190,000 minn fondi tal-Aġenzija LESA, mill-Fond tan-Norveġja u fondi tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien, flimkien ma’ xogħol imwettaq mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, kien inawgurat xogħol ta’ tisbiħ u manutenzjoni f’Joanne Gardens f’Ħal Tarxien.

Dan il-ġnien, spazju miftuħ popolari fiż-żona, għadda minn proċess ta’ manutenzjoni billi sar tibdil fis-sistema tad-dawl, tiswija tal-gazebo tal-injam, tiswija ta’ ċnut, l-installazzjoni ta’ outside furniture u anke ngħatat attenzjoni għall-pjanti u siġar li hemm fl-istess ġnien.

Dan ix-xogħol kien inawgurat mill-Ministru tal-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri u mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħolijiet Pubbliċi Chris Bonett flimkien mas-Sindku tal-lokalità s-Sur Joseph Abela Galea u l-Kunsilliera.

F’diskors qasir il-Ministru Byron Camilleri nnota kif fl-aħħar tliet snin, ġew allokati €3.25miljuni biex isiru diversi proġetti fil-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex, mill-Aġenzija LESA li qed tinvesti f’diversi proġetti li minnhom tgawdi l-komunità.

“Permezz ta’ dan ix-xogħol ir-residenti ta’ Ħal-Tarxien għandhom żona miftuħa isbaħ fil-qalba ta’ post urbanizzat, li huwa pulmun aħdar għal ħafna residenti li jgħixu fil-madwar. Kommessi illi nibqgħu ninvestu fi proġetti simili li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunità,” spjega l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-ħidma li saret biex twettaq proġett ieħor f’Ħal Tarxien li se jgawdu minnu r-residenti kollha filwaqt li rringrazzja lil kull min kien involut.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett innota b’sodisfazzjon x-xogħlijiet li saru f’Joanne Gardens f’Ħal Tarxien.

“Dan il-proġett juri kif bil-kordinazzjoni u l-għaqda bejn diversi entitajiet, sebbaħna lil Joanne Gardens li huma tant għal qalb il-komunità Tarxiniża. Sodisfatt li dan il-ġnien, li joffri spazju ta’ serħan għal kull min iżuru, issa jinsab fi stat ħafna aħjar u anke aktar sigur wara x-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni, manutenzjoni u tisbiħ,” qal il-Ministru Bonett.

Preżenti waqt l-inawgurazzjoni tax-xogħlijiet kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA Svetlick Flores.

Sport