Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, inawgura klinika fil-komunità fil-Qrendi.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif il-ftuħ tal-klinika komunitarja l-ġdida tal-Qrendi se jkun pass importanti biex ikomplu jissaħħu s-servizzi terapewtiċi u ta’ podjatrija offruti fil-komunità. Id-domanda għal dawn is-servizzi qed tkompli tikber b’mod sostanzjali, kif juru ċ-ċifri tal-2025.
Il-Ministru Abela qal kif min din il-klinika ser jibdew jiġu offruti s-servizzi ta’ podjatrija, speech and language pathology kif ukoll servizz tal-psikoloġija marbuta mas-saħħa mentali. Hu stmat li din il-klinika taqdi ’l fuq minn 1,600 persuna fis-sena.
F’Malta, ġew irreġistrati 12,660 sessjoni ta’ Speech and Language Pathology (SLP) fil-community clinics u 6,290 sessjoni oħra fil-health centres. Fl-istess waqt, is-servizzi tal-podjatrija laħħqu 33,560 sessjoni fil-community clinics u 62,010 sessjoni fil-health centres.
F’Għawdex, is-servizzi fil-komunità komplew juru domanda qawwija, b’315-il sessjoni ta’ SLP fil-community clinics, filwaqt li s-servizzi tal-podjatrija laħqu 8,790 sessjoni fil-community clinics u 4,600 sessjoni fil-health centres.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif dawn iċ-ċifri juru biċ-ċar kemm hemm bżonn ta’ servizzi aċċessibbli qrib ir-residenti. “Din il-klinika l-ġdida tal-Qrendi se tkompli ssaħħaħ l-aċċess għall-kura fil-komunità u tappoġġa servizzi essenzjali li jagħmlu differenza fil-kwalità tal-ħajja tan-nies”, temm jgħid Dr Abela.

