Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, flimkien mal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes, inawguraw Klinika tat-Telemediċina ġewwa Binja Silvio Parnis fis-Siġġiewi.
Kien spjegat li dan is-servizz jikkonsisti f’konsulti virtwali ma’ tobba speċjalisti fil-qasam tal-mediċina tal-familja, jew minn tobba gradwati li qed jispeċjaliżżaw f’dan il-qasam. Is-servizz tat- telemediċina fil-qasam tal-Kura Primarja kien ġie mwaqqaf f’Marzu tas-sena 2020, fil-bidu tal-pandemija, u qed isiru mal-250 sa 350 konsulti virtwali kuljum mat-tobba f’dan il-qasam.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal li dan hu riżultat ieħor importanti fejn tidħol il-kura tas-saħħa fejn qal kif il-Kura Primarja, hija l-bażi u pilastru tas-saħħa f’pajjiżna. Jo Etienne Abela qal li t-telemediċina fiha ħafna vantaġġi li minnha qed jibbenefika l-pazjent . Fil-fatt spjega li mill-bidu tas-sena, għamlu użu minn dan is-servizz—li huwa wieħed offrut 24 siegħa kuljum, mit-Tnejn sal-Ħadd—aktar minn 400,000 persuna, li ngħataw għajnuna u anke riferimenti għall-kura tagħhom. Apparti minn hekk, fejn kien hemm il-bżonn intbagħat tabib fid-djar.
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal li min-naħa tal-ministeri, għaddejjin numru ta’ taħdidiet biex mhux biss ikomplu jiġu introdotti kunċetti ta’ kura primarja fil-komunità, il-kura tas-saħħa mentali u l-kunċett ta’ ‘living’ fi spazji adattati u protetti, iżda wkoll qed isiru diskussjonijiet dwar akkomodazzjoni affordabbli għall-anzjani.
“Dawn il-proġetti jkomplu mal-ħidma u l-viżjoni li rridu għas-settur tas-saħħa f’pajjiżna li naraw li jkollna servizz tas-saħħa, qrib il-pazjent dejjem aktar effiċjenti. It-tħaffif tal-proċessi huwa importanti, però rridu li nkomplu naraw li s-sigurtà u l-kwalità jibqgħu ċentrali għall-operat tagħna,” temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.
Min naħa tiegħu, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes stqarr li l-ministeru qiegħed jimplimenta viżjoni proattiva li tħares lejn il-bżonnijiet olistiċi tal-persuna. “Meta konna qegħdin nippjanaw Binja Silvio Parnis, proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi, ħsibna wkoll għall-bini ta’ żewġ kliniċi,” kompla jispjega l-ministru.
L-ewwel klinika hija Klinika Professur Albert Fenech, li ġiet inawgurata ftit tax-xhur ilu, u qiegħda tagħti servizz importanti mhux biss lir-residenti ta’ Binja Silvio Parnis, iżda lil komunità tas-Siġġiewi kollha.
“Illum qegħdin ninawguraw it-tieni klinika, din id-darba tat-telemediċina, li se toffri servizz liċ-ċittadini kollha tagħna. B’investment sostanzjali ta’ madwar miljun ewro, li kien jinkludi l-kostruzzjoni u l-finishings ta’ din il-klinika, illum qegħdin nagħtu lill-poplu Malti u Għawdxi, klinika li tista’ toffri servizz mediku, effiċjenti, erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. Servizz li se jagħmel differenza fil-ħajja ta’ tant familji,” temm jgħid il-Ministru Roderick Galdes.