Thursday, April 25, 2024

Inawgurata multisensory room ġdida f’Dar Arka

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli inawguraw proġett ta’ multisensory room f’Dar Arka, f’Għajnsielem, li sar mill-Fondazzjoni Arka u kien iffinanzjat mill-Ministeru għal Għawdex b’investiment ta’ €45,000.

Il-Ministru Clint Camilleri spjega li din il-kamra se tintuża primarjament minn persuni bl-awtiżmu jew kwalunkwe diżabilità oħra u permezz ta’ apparat speċjali dawn il-persuni jitgħallmu abbiltajiet ġodda. Huwa stqarr li bħala gvern kommessi li jkomplu jinvestu f’faċilitajiet bħal dawn sabiex itejbu u jiffaċilitaw il-ħajja tal-persuni b’diżabilità.

Ġie spjegat ukoll li din il-faċilità ilha eżistenti għal diversi snin iżda inħasset il-ħtieġa li din tiġi aġġornata mat-teknoloġija moderna. Għaldaqstant, ġie deċiż li ssir mill-ġdid kamra akbar u aktar spazjuża li se tkun tista’ tintuża kemm mir-residenti ta’ Dar l-Arka kif ukoll minn persuni b’diżabilità oħrajn.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li dan il-gvern qed ikompli jinvesti f’infrastruttura fil-komunità marbuta mal-inklużjoni. Żiedet li dan jgħaqqad mal-ħidma tal-gvern illi f’din il-leġiżlatura wessa’ l-kriterji tal-investiment fl-iskema SensAbility biex kull familja tista’ tapplika biex ikollha kamra sensorjali f’darha stess.

F’din il-kamra wieħed isib apparat interattiv, televixin u dwal li jitbaxxew u jogħlew skont il-bżonn filwaqt li jbiddlu l-kuluri, flimkien ma’ mużika rilassanti. Din il-kamra tgħin ukoll lill-persuni li jagħmlu użu minnha sabiex itejbu l-abbiltajiet fiżiċi tagħhom.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li, “Il-qasam tal-persuni b’diżabilità dejjem kien fiċ-ċentru ta’ ħidma ta’ dan il-gvern, u f’Għawdex ukoll qed isir investiment għaqli f’dan is-settur. L-għan tagħna huwa fuq kollox biex uliedna jkunu tassew inklużi fis-soċjetà.”

Sport