It-28 Edizzjoni mis-sensiela ta’ Wirjiet tal-Arti Retrospettivi tal-BOV bix-xogħlijiet tal-artist kontemporanju Noel Galea Bason ġiet inawgurata uffiċjalment fis-16 ta’ Jannar 2024 minn E.T. Dr George Vella, President ta’ Malta. Il-wirja qed tittella’ mill-Bank of Valletta fil-Gran Salon fi ħdan il-Mużew tal-Arkeoloġija fil-Berġa ta’ Provence fil-Belt Valletta.
Waqt li indirizza lill-mistednin preżenti għaċ-ċerimonja, iċ-Chairman tal-BOV Dr Gordon Cordina qal, “Noel mhuwiex isem li jafu kulħadd, madankollu kważi kulħadd ‘għandu’ xi biċċa xogħol minn tiegħu peress li ilu snin jiddisinja l-muniti ta’ Malta. Għandu portafoll impressjonanti ta’ kreazzjonijiet kommemorattivi speċjali kif ukoll stil innovattiv minn bas reliefs tradizzjonali li jittrattaw l-uġigħ eżistenzjali tal-umanità kif ukoll il-ġlieda bejn ir-raġel u l-mara fost l-oħrajn. Ix-xogħlijiet li jidhru f’din il-wirja juru distinzjoni definittiva li għamel l-artist mill-formalità tad-disinn tal-muniti.”
“Din il-wirja tifforma parti miċ-ċelebrazzjoni tal-50 Anniversarju tal-BOV u tfakkar ukoll il-25 anniversarju mill-ewwel wirja tagħna f’din is-sensiela organizzata fl-1999,” kompla ċ-Chairman tal-BOV. “Ix-xogħlijiet esebiti hawn huma mifrux fuq 5 deċennji bl-aktar wieħed bikri huwa mill-1976 sa xogħlijiet reċenti li juru l-evoluzzjoni tal-artist.”
“Noel Galea Bason huwa artist eċċezzjonali, metikoluż fix-xogħol tiegħu u provokattiv fl-ideat tiegħu, innovattiv fil-mod kif żviluppa l-arti tal-bas relief, kif ukoll skultur tal-arti kemm fil-privat kif ukoll fil-pubbliku,” qal il-kuratur tal-wirja Dr Joseph P Cassar.
“Il-kompetenza tiegħu ilha mfittxija minn meta ggradwa mill-i‘Scuola dell’Arte della Medaglia’ fl-1978, u għandu portafoll impressjonanti ta’ kreazzjonijiet kommemorattivi speċjali. Noel sab in-niċċa tiegħu fiz-Zekka ta’ Malta fil-Bank Ċentrali ta’ Malta, u sar l-ewwel Malti li ddisinja muniti għal art twelidu mit-tluq tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. L-Ingliżi għamlu l-muniti tagħhom stess fl-Ingilterra, u għalhekk Noel wettaq dan ir-rwol wara vojt ta’ xi 175 sena meta Malta bdiet tagħmel il-muniti tagħha stess.”
“Nista’ nistqarr b’mod pożittiv li din il-wirja hija waħda mill-aktar wirjiet kulturali importanti fil-kalendarju kulturali għall-2024 u din il-wirja ta’ muniti, medaljuni, skulturi, tpinġijiet u rilievi hija waħda ta’ Importanza Nazzjonali,” kompla Dr Cassar.
“Is-sinopsi bijografika u r-riproduzzjonijiet artistiċi li jinsabu fil-katalgi li jakkumpanjaw il-wirjiet retrospettivi tal-arti tal-BOV saru punti ta’ referenza għall-istudenti tal-arti u kull min hu interessat fil-wirt artistiku ta’ Malta.”
Il-wirja retrospettiva ta’ Noel Galea Bason qed tkun akkumpanjata minn katalgu illustrat bis-sħiħ li jinkludi sinopsi bijografika u riproduzzjonijiet bil-kulur tal-esebiti kollha għall-wiri.
Il-Wirja tkun miftuħa kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd ħlief nhar ta’ Tlieta, bejn id-09.00am u l-5.00pm (l-aħħar dħul fl4.30pm) u se tkun miftuħa sal-Ħadd 25 ta’ Frar 2024.