Infasslu ġejjieni inklużiv: Il-vuċi tal-persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom għandha tkun fil-qalba tad-deċiżjonijiet

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni Arka, flimkien mal-Grupp fi ħdan id-Djoċesi ta’ Għawdex għall-Ġenituri ta’ Persuni b’Diżabbiltà, organizzaw il-konferenza bit-tema “Infasslu ġejjieni inklużiv għalina – Il-vuċi tiegħi… il-futur tagħna”, li kellha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar il-ħtiġijiet, l-isfidi u l-aspirazzjonijiet tal-persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom.

Matul il-konferenza saru diversi interventi minn persuni involuti fis-settur, fosthom diskors mill-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Anton Teuma, li enfasizza l-importanza tas-solidarjetà, ir-rispett lejn id-dinjità umana u l-ħtieġa li tinbena soċjetà li tagħti spazju lil kulħadd.

Waħda mill-partijiet ewlenin tal-konferenza kienet il-preżentazzjoni ta’ analiżi ta’ kwestjonarju li kien sar sena qabel fost ġenituri u kustodji ta’ persuni b’diżabbiltà f’Għawdex. Ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ taw stampa aktar ċara tal-esperjenzi ta’ dawn il-familji, filwaqt li ħarġu fid-dieher il-bżonnijiet tagħhom u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum.

L-analiżi enfasizzat il-ħtieġa għal servizzi adegwati u kontinwi, aktar opportunitajiet ta’ żvilupp u parteċipazzjoni, kif ukoll appoġġ akbar għall-ġenituri u l-kustodji li ta’ kuljum jieħdu ħsieb lill-għeżież tagħhom.

Permezz tal-interventi u d-diskussjonijiet li saru, ġie enfasizzat li l-inklużjoni m’għandhiex tibqa’ biss aspirazzjoni jew kelma sabiħa, iżda għandha tinbidel f’azzjonijiet konkreti li jagħtu lil kull persuna l-opportunità li tgħix b’dinjità, b’indipendenza u b’sens ta’ appartenenza fil-komunità.

Il-konferenza serviet ukoll bħala opportunità biex tinstema’ l-vuċi tal-ġenituri u l-kustodji, li l-esperjenzi tagħhom għandhom ikunu parti essenzjali fit-tfassil tas-servizzi u tal-politiki għall-futur.

Il-messaġġ ewlieni li ħareġ minn din l-inizjattiva huwa li ġejjieni tassew inklużiv jista’ jinbena biss meta l-persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom ikunu involuti direttament fid-deċiżjonijiet li jolqtuhom. Għalhekk, huwa importanti li l-komunità, l-istituzzjonijiet u s-soċjetà inġenerali jkomplu jaħdmu flimkien biex joħolqu Għawdex u Malta aktar aċċessibbli, ġusti u inklużivi għal kulħadd.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport