“Waqt l-assemblea ta’ dalgħodu, Zackie, kif inħobb insejjaħlu, qasam magħna esperjenza mill-isbaħ li kellu fi Sqallija fil-jiem li għaddew, fejn qatta’ ftit jiem għand zitu,” hekk kiteb Lelio Spiteri fuq il-midja soċjali.
B’entużjażmu kbir, Zackie rrakkonta kif kellu l-opportunità jmur jaqta’ ż-żebbuġ u r-rummien. Mhux biss ħa gost b’din l-esperjenza, iżda tgħallem ukoll ħafna affarijiet interessanti dwar it-tipi differenti ta’ żebbuġ u l-ammont ta’ żejt li jista’ jiġi estratt minn kull tip.
“Il-konversazzjoni bdiet bil-Malti standard, iżda aktar ma bdejna nitkellmu, aktar dħalna fl-atmosfera sabiħa tad-djalett Għawdxi tagħna! Kienet konversazzjoni spontanja, mimlija tbissim, tagħlim u mumenti sbieħ,” kompla jikteb Spiteri.
“U l-aqwa parti ta’ din l-istorja? Fl-aħħar staqsejtu jekk kontx nista’ mmur miegħu darba oħra. It-tweġiba tiegħu kienet waħda ċara u entużjasta: IVA!,” temm jikteb il-kap tal-iskola Lelio Spiteri.
