Wednesday, April 24, 2024

Infurzar fuq il-kumpaniji li ma jħaddmux persuni b’diżabilità

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana fil-Parlament qal li mis-sena 2015 sa Settembru ta’ din is-sena kien hemm mijiet ta’ kumpaniji li ma kinux qed josservaw liġi li biha jridu jimpjegaw persuni b’diżabbilità.

Kien fuq mistoqsija tad-Deputata Nazzjonalista Graziella Galea li l-Ministru Caruana qal li wara li fl-2015 Jobsplus introduċiet emendi fl-Att dwar l-Impjieg ta’ Persuni b’Diżabilità, ġie ffirmat ftehim bejn l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ min iħaddem u Jobsplus dwar l-implimentazzjoni tagħhom.

Jobsplus bdiet proċess biex il-prinċipji ta’ dan il-ftehim jiġu riflessi fil-ligi u b’hekk jibda jsir l-infurzar ma’ dawk il-kumpaniji li jirrifjutaw li jimpjegaw persuni b’diżabilità u ma jħallsux l-kontribuzzjoni.

Instab li fl-2015 kien hemm 699 kumpanija mhux konformi, filwaqt li fl-2016 kien hemm 747. Fis-sena 2018 kien hemm 495 kumpanija filwaqt li fl-2019 u l-2020 kien hemm 615 u 639 rispettivitament. Is-sena l-oħra kien hemm 633 filwaqt li sa Settembru ta’ din is-sena kien hemm 728 kumpanija mhux konformi.

Il-liġi li daħlet fis-seħħ fl-2015 taħt Gvern Laburista biex jgħin lill-persuni b’diżabilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol tobbliga li kumpaniji li jimpjegaw aktar minn 20 ruħ, iridu li 2% tal-impjegati tagħhom ikunu persuni li jkunu fuq ir-Reġistru tal-Persuni b’Diżabilità.

Sport