Wednesday, April 24, 2024

INĦARSU DAK KOLLU LI JAGĦMILNA NAZZJON

Aqra wkoll

L-arti, il-kultura, l-ilsien, id-drawwiet u tradizzjonijiet huma l-ingredjenti essenzjali li jagħmlu ġens distint minn ġnus oħra. Huma l-ingredjenti li mhux biss jagħmlu poplu kburi b’pajjiżu u bl-istorja tiegħu imma wkoll isawru l-identita ta’ poplu.
Bħala ġens Malti għandna storja rikka li tinfirex fuq millenja ta’ snin. Ftit huma dawk in-nazzjonijiet li l-istorja tagħhom tmur lura daqshekk fiż-żmien. Pajjiżna għadda minn ħakma għall-oħra li lkoll ħallew il-marka tagħhom fuqna bħala poplu.

F’dawn il-jiem ukoll intbaħna li l-Innu Nazzjonali, l-Innu Malti, għalaq mitt sena minn mindu nkiteb. Ftit iżda kienu dawk il-Maltin li ftakru f’dan il-ġrajja storika. Dan forsi għax bħala poplu għadna b’moħħ kolonjali. Forsi wkoll għax m’aħniex daqshekk kburin bil-kisbiet ta’ pajjiżna.

Kollu minnu li l-edukazzjoni f’pajjiżna nfirxet u twessgħet u forsi għalhekk hawn familji u ġenituri li f’darhom stess jippreferu jkellmu lil uliedhom b’ilsien ieħor u mhux b’ilsien l-omm li tatna isimha. B’dan li qed ngħidu, ma rridux b’xi mod ninftehmu illi aħna kontra illi wieħed jitkellem bi lsien barrani jew li dan huwa xi disprezz lejn il-pajjiż. Xejn minn dan.

Li wieħed ikollu għerf ta’ ilsna oħra huwa xi ħaġa tajba imma dan m’għandux ikun għas-skapitu ta’ lsienna stess. Il-lingwa minnha nfisha hija mera tal-istorja ta’ kull pajjiż. Il-ħażin imma hu dik is-sitwazzjoni li l-ilsien barrani nużawh b’aktar ħeġġa u b’aktar frekwenza milli nużaw l-ilsien tagħna stess.

Jekk inhu hekk, allura għandna għalxiex inkunu dispjaċuti illi tul is-snin li ilna ġens indipendenti u ħieles, għad ma tgħallimna xejn u ma ħadniex il-lezzjonijiet ta’ ġrajjietna.

Hawn ta’ min isemmi illi parti mill-ħsara li qed issir lill-ilsien Malti ġejja anke mill-mezzi soċjali fejn donnu f’daqqa waħda, kulħadd jippretendi li sar professsur li jikteb kif irid bla ma jagħti każ ta’ x’ikun qed jikteb. Il-mod kif ikunu miktuba ħafna ‘posts’ jixhed li min jiktibhom qajla jinteressah jekk hux qed juża tajjeb il-grammatika Maltija. L-aqwa li jħarbex biex iwassal il-messaġġ.

Il-midja, stampata jew imxandra għandha rwol importanti, li tkun il-katalist biex bħala Maltin, ikunu kburin b’dak li aħna – poplu Ewropew b’ilsien semitiku.

Għalhekk, għandna nsaħħu u nkebbsu iktar ilsien art twelidna fil-qalb tal-poplu.
Dan jista’ jsir permezz ta’ iktar programmi u kitbiet b’Malti tajjeb li jkomplu jqanqlu interess fi ġrajjietna imgħoddija u dawk tal-preżent. Għalhekk, hemm bżonn li l-Maltin kollha, mill-kbir saż-żgħir, jagħrfu japprezzaw iktar dak kollu li jagħmilna poplu uniuku u distint.

Jekk nifhmu dan, mhux biss inkunu qed nagħtu ġieħ lil dawk missirijietna prominenti fosthom Mikiel Anton Vassalli, u oħrajn ta’ żmienna li ddedikaw ħajjithom biex, minkejja li aħna poplu ċkejken, l-Ilsien Malti jibqa jkun wirt lingwistiku li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra.

Sport