Friday, March 29, 2024

Pjan alternattiv li mhux se jittollera abbużi hekk kif bdiet l-iskema l-ġdida tal-ġbir tal-iskart

Jinħarġu diversi boroż żbaljati fl-ewwel jumejn tal-iskema l-ġdida

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar ġimgħat tħabbar li kienet se tkun qiegħda tiddaħħal skema ġdida tal-ġbir tal-iskart. Dan kien ifisser li mit-Tnejn, il-ġbir u ġarr tal-iskart kollu domestiku beda jsir fuq bażi reġjonali.  Biex titneħħa l-anomalija eżistenti dwar l-iskedi tal-ġbir tal-boroż b’mod differenti bejn il-lokalitajiet, l-iskeda tal-ġranet u l-boroż li jridu jinħarġu saret waħda uniformi għal Malta u Għawdex.

Minkejja li skont din l-iskeda l-ġdida, il-pubbliku t-Tnejn kellu joħroġ il-boroż tal-iskart organiku, ħafna kienu dawk li minħabba diversi raġunijiet naqsu milli joħorġu din il-borża u ħarġu l-borża s-sewda xorta waħda. Ilbieraħ min-naħa l-oħra kellek oħrajn li ħarġu boroż tal-iskart organiku meta kellha tinħareġ il-borża bl-iskart imħallat.

Dan is-sit jinsab infurmat li minkejja li din hija deċiżjoni b’miri ambjentali, ir-responsabbiltajiet warajha hija waħda li qiegħda tinkludi diversi partijiet bil-gvern lokali bl-akbar responsabbiltà fejn tidħol l-edukazzjoni biex din l-iskema tibda titħaddem b’mod sostenibbli kemm jista’ jkun malajr. Minkejja li l-iskema bdiet taħdem mit-Tnejn, il-kampanji edukattivi mhumiex se jitwaqqfu u dan hekk kif il-gvern għadu konxju li għad hemm min mhuwiex infurmat jew qiegħed jonqos milli jikkonforma. Iżda minkejja r-responsabbiltà tal-gvern lokali fejn jidħlu r-reġjuni, il-Ministeru għall-Ambjent għandu wkoll rwol importantissimu biex din l-iskema tkun tista’ tkun waħda sostenibbli. Għadna biss fil-bidu u għalissa għadu mhux fis-seħħ l-infurzar b’rabta mal-bidliet. Madanakollu din hija xi ħaġa temporanja u ninsabu infurmati li fil-jiem li ġejjin se jkun hemm infurzar biex min jibqa’ jagħżel li ma jikkonformax mal-istruzzjonijiet tal-iskema, jiġi mħarrek skont l-irregolaritajiet li jkun qiegħed iwettaq.

Dan is-sit jinsab infurmat li biex jagħmel tajjeb għall-kaos li setgħet tikkawża din l-iskema fl-ewwel ġranet, il-gvern kellu jaħseb fi pjan temporanju alternattiv fejn bil-għajnuna tad-Dipartiment tal-Manutenzjoni u t-Tindif kellu jsir xogħol biex jinġabru xorta waħda boroż li mhux sippost li kellhom jinħarġu. Sors qrib dan is-sit qalilna li minkejja dan il-pjan, mhux se jkun aċċettat li jkun hemm min jibqa’ jabbuża fit-tul minn dan is-servizz u għalhekk filwaqt li huwa minnu li fl-ewwel ftit ġranet tistenna li jkollok min jitfixkel jew jiżbalja, ladarba tkompli tinħareġ l-informazzjoni u jibdew jinħarġu t-twissijiet, il-pass li jkun jifdal huwa dak li jiżdied l-infurzar u li min jibqa’ jagħżel li jagħmel fattih u jħammeġ it-toroq bi skart li mhux sippost jinħareġ f’dawk il-ġranet, jiġi sanzjonat rispettivament.

Ekonomija

Sport