F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar inizjattiva ġdida tal-Malta Food Agency, li permezz tagħha se tiġi faċilitata aktar ħidmet il-bdiewa Għawdxin.
Ġie spjegat kif l-Aġenzija għall-Ikel, fi ħdan il-Ministeru, se tkun qed tipprovdi servizz ta’ trasport bla ħlas lill-bdiewa Għawdxin, fejn permezz ta’ dan is-servizz l-Aġenzija se tkun qed twassal il-prodotti agrikoli minn Għawdex għal Malta. Dan is-servizz se jkun provdut darbtejn fil-ġimgħa, biex jilqa’ għad-domanda.
Il-prodotti agrikoli se jiġu trasportati direttament lejn il-Pitkalija f’Malta fejn jiġu reġistrati u jitqassmu lill-aġenti tal-bejgħ skont id-direzzjoni tal-bdiewa. Se jiġu stampati wkoll tikketti fuq barra ta’ kull prodott sabiex jiżguraw traċċabilità.
Il-ministru qal li dan is-servizz huwa mmirat biex inaqqas l-ispejjeż għall-bdiewa Għawdxin, speċjalment dawk marbutin mat-trasport bħal fjuwil u spiża tal-vapur. Tenna li din l-inizjattiva se ttejjeb l-effiċjenza u żżid l-aċċessibilità tal-prodotti agrikoli Għawdxin fis-suq Malti.
“Permezz ta’ dak li qed inħabbru llum, il-Gvern bil-provi qed jirrikonoxxi l-ħidma tal-bidwi, hekk kif se jara li l-prodott li jkun kabbar b’tant għaqal u dedikazzjoni jiġi apprezzat mill-konsumatur Malti u Għawdxi. Din l-inizjattiva tikkumplimenta ħafna miżuri oħrajn fejn qed naraw li l-ħafna piżijiet li ġabet magħha x-xena internazzjonali fuq is-settur tant kruċjali tal-agrikoltura ma jinġarx mill-bdiewa nfushom iżda jkun hemm l-ispalla kontinwa tal-Istat,” temm jgħid il-ministru.