L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għall-mobilità soċjali. Hi l-pern li fuqha jinbena l-iżvilupp tal-personalita. Sa minn età żgħira ħafna nibdew nitgħallmu l-aktar affarijiet bażiċi iżda aktar ma jgħaddi żmien, aktar nibdew niksbu ħiliet u esperjenzi ġodda li jkunu ta’ importanza u siwi kbir għal meta persuna tidħol fid-dinja tax-xogħol.
Il-Gvern qiegħed jara li jkompli jinvesti f’dan is-settur sabiex ikun żgurat li kull tifel u tifla jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom f’dan il-vjaġġ edukattiv u sabiex l-esperjenza tagħhom tkun waħda mill-aktar pożittiva. Permezz tal-istrateġija nazzjonali ġdida dwar l-edukazzjoni għas-sitt snin li ġejjin, li l-Gvern nieda konsultazzjoni pubblika dwarha fil-jiem li għaddew, qegħdin naraw aktar passi f’din id-direzzjoni, b’viżjoni li tipprovdi edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd.
Fil-fehma tagħna din l-istrateġija hija pass kruċjali sabiex nibnu soċjetà msejsa fuq l-abilitajiet fl-istess waqt li tipprepara lill-istudenti tagħna għall-isfidi tal-futur. L-istess strateġija tistabbilixi miri ċari b’xejn inqas minn 36 miżura u 120 inizjattiva, li lkoll jikkontribwixxu għall-iżvilupp ġenerali ta’ kull persuna u l-progress tan-nazzjon.
Ta’ sodisfazzjon ninnutaw ukoll li miżura ewlenija f’din l-istrateġija hija t-tisħiħ tal-lingwa Maltija bil-għan li mhux biss tkun protetta imma wkoll priservata l-kultura ta’ pajjiżna, li huma kruċjali għall-identità unika tagħna bħala ġens. Dan il-għan mistenni jintlaħaq billi se jitwaqqaf grupp ta’ ħidma li l-għan ewlieni tiegħu se jkun li janalizza l-isfidi li qed jaffaċċja bħalissa l-ilsien Malti u l-metodi ta’ tagħlim fil-livell obbligatorju.
Bħala ġurnal, mhux darba jew tnejn li sħaqna fuq l-importanza li nkomplu nibżgħu għal dak kollu li huwa Malti għaliex huwa wkoll element li jgħaqqadna flimkien bħala poplu. F’dan il-kuntest ħaqqu wkoll kull tifħir il-President tar-Repubblika George Vella li tul il-Presidenza tiegħu insista kemm-il darba sabiex nużaw kliem Malti ħalli ma nitilfux l-għeruq tal-ilsien tagħna.
Għalhekk jeħtieġ li mill-kliem inkomplu ngħaddu għall-fatti u nrawmu aktar il-kultura tat-tagħlim u l-qari bil-lingwa Maltija fost it-tfal tagħna sa minn età tenera. Irridu wkoll nabbraċċaw l-avvanzi kbar li saru fit-teknoloġija fejn m’għandniex narawhom ta’ xkiel iżda bħala opportunità billi anke jkun introdott kontenut diġitali dwar il-lingwa Maltija, kif wara kollox qed ikun propost fl-istrateġija.
Nittamaw ukoll illi t-tagħlim tal-Malti lill-ħaddiema barranin li hawn fostna jibda mingħajr dewmien ħalli mhux biss nagħtuhom togħma tal-kultura Maltija imma wkoll il-mekkaniżmu li bih ikunu jistgħu jikkomunikaw aħjar mal-Maltin.
B’dan kollu f’moħħna, irridu napprezzaw l-isforzi li saru mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, wara għadd kbir ta’ laqgħat mal-istakeholders involuti, biex setgħet titfassal din l-istrateġija li għandha taħseb mhux biss għall-preżent imma wkoll għall-futur.