Friday, May 22, 2026

‘Nixtieq li aktar tfajliet u nisa jippruvaw l-isport tat-trott … jista’ jidher diffiċli għall-bidu, imma meta tidħol fih tifhem kemm huwa sabiħ’ – Laura Frendo

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

L-isport tat-trott f’Malta kompla jikseb aktar viżibilità internazzjonali hekk kif Laura Frendo ġiet magħżula sabiex tirrappreżenta lil Malta fil-Kampjonat Ewropew tan-Nisa organizzat mill-European Trotting Amateur-Drivers Federation.

Din il-kompetizzjoni prestiġjuża saret ġewwa Kincsem Park f’Budapest u laqqgħet flimkien sewwieqa nisa minn diversi pajjiżi Ewropej.

Għal Frendo, din kienet esperjenza li diffiċli tinsa, mhux biss fuq livell sportiv iżda wkoll fuq livell personali.

F’intervista li tat lil dan is-sit, hija tkellmet dwar l-emozzjonijiet tagħha, is-sagrifiċċji li tagħmel, il-familja tagħha u x’ifisser għaliha li tilbes il-kuluri Maltin fuq livell internazzjonali.

“Kienet esperjenza sabiħa ħafna. Barra minn pajjiżek tikkompeti ma’ sewwieqa minn pajjiżi oħra hija xi ħaġa speċjali immens. Kien unur kbir għalija li nirrappreżenta lil Malta,” qalet Frendo.

Għalkemm ir-riżultati finali ma kinux dawk li xtaqet, hija sostniet li l-esperjenza waħedha kienet rebħa kbira għaliha.

“Naturalment dejjem trid tikseb riżultat sabiħ, imma anke jekk ma ġiex kif xtaqt, xorta waħda ninsab sodisfatta għax tajt il-massimu tiegħi. Esperjenza bħal din tgħallmek ħafna u tagħtik aktar motivazzjoni għall-futur.”

Il-Malta Racing Club għażel lil Frendo sabiex tirrappreżenta lill-pajjiż wara l-progress impressjonanti li għamlet matul dawn l-aħħar snin. Hija kisbet il-liċenzja tagħha fl-2023 u fi żmien qasir irnexxielha tħalli impatt pożittiv fix-xena lokali tat-tlielaq.

Fil-fatt, f’erba’ snin ta’ kompetizzjoni uffiċjali hija diġà ħadet sehem f’110 tiġrijiet, rebħet seba’ tiġrijiet u kisbet aktar minn 30 post mal-ewwel erbgħa.

Meta mistoqsija dwar kif bdiet l-imħabba tagħha lejn dan l-isport, Frendo qalet li minn dejjem kienet tħobb iż-żwiemel u l-atmosfera tat-tiġrijiet.

“L-isport tat-trott tista’ tgħid li dejjem attirani. Meta tkun qrib iż-żwiemel u tara l-passjoni tan-nies involuti fih, tibda tħoss dik l-emozzjoni fik ukoll. Bil-mod il-mod bdejt nitħarreġ aktar u llum ninsab grata li wasalt sa hawn.”

Hija ammettiet li l-isport mhux wieħed faċli u jitlob ħafna dedikazzjoni u dixxiplina.

“Hemm ħafna sagrifiċċji. Trid tqatta’ ħafna ħin titħarreġ, tieħu ħsieb iż-żwiemel u żżomm konċentrazzjoni kbira. Mhux biss waqt it-tiġrija, imma anke fil-preparazzjoni tagħha.”

Frendo spjegat ukoll kemm hija importanti l-preparazzjoni mentali qabel kull tiġrija.

Skontha, il-konċentrazzjoni tagħmel differenza kbira speċjalment meta wieħed ikun qed jikkompeti fuq livell internazzjonali kontra sewwieqa b’esperjenza kbira. Hija qalet li qabel kull tellieqa tipprova tibqa’ kalma u tiffoka fuq dak li għandha tagħmel fil-korsa.

“Meta tidħol fil-korsa trid taħseb biss fuq it-tiġrija u tagħti l-aħjar li tista’. L-emozzjoni tkun kbira ħafna, speċjalment meta tkun qed iġġorr isem Malta miegħek, iżda fl-istess ħin dik tagħtik aktar motivazzjoni biex tagħmel prestazzjoni tajba,” sostniet Frendo.

Frendo semmiet ukoll kemm il-familja tagħha hija importanti fil-karriera sportiva tagħha.

Skontha, mingħajr is-sapport tagħhom kien ikun diffiċli ħafna li tkompli tavvanza.

“Il-familja tiegħi tagħtini sapport kbir ħafna. Jagħmlu ħafna sagrifiċċji għalija u dejjem ikunu hemm biex jagħtuni kuraġġ. Mingħajrhom ċertament ma kontx nasal fejn wasalt illum.”

Hija rringrazzjat ukoll lill-Malta Racing Club talli poġġa l-fiduċja fiha sabiex tirrappreżenta lil Malta f’kompetizzjoni daqshekk importanti.

“Nixtieq nirringrazzja lill-Malta Racing Club li għażel lili għal din l-opportunità. Meta pajjiżek jafdak biex tirrappreżentah barra minn Malta tħoss sens ta’ responsabbiltà kbira.”

Din kienet it-tielet darba li Malta ħadet sehem f’dan il-kampjonat Ewropew, wara l-parteċipazzjonijiet pożittivi ta’ Cherise Farrugia fl-edizzjonijiet tal-2023 u l-2024.

Il-kompetizzjoni ġabret flimkien parteċipanti minn 13-il pajjiż differenti: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, Malta, l-Olanda, in-Norveġja, Spanja, l-Iżvezja u l-Iżvizzera.

Frendo qalet li waħda mill-isbaħ affarijiet kienet proprju l-opportunità li tiltaqa’ ma’ sewwieqa minn kulturi differenti.

“Tiltaqa’ ma’ nies differenti li kollha għandhom l-istess passjoni tiegħek. Titgħallem ħafna minn kif jippreparaw ruħhom u minn kif jersqu lejn l-isport.”

Hija qalet ukoll li l-kampjonat mhux biss jiffoka fuq il-kompetizzjoni, iżda anke fuq il-ħbiberija u l-isportivita’ bejn il-parteċipanti.

“Kien hemm rispett kbir bejn kulħadd. Għalkemm kulħadd irid jagħmel l-aħjar tiegħu, xorta tħoss atmosfera sabiħa ta’ għaqda.”

Meta mistoqsija dwar il-futur tagħha fl-isport, Frendo qalet li trid tkompli taħdem sabiex ittejjeb il-livell tagħha u tikseb aktar esperjenza internazzjonali.

“Din l-esperjenza tatni aktar motivazzjoni biex inkompli nitħarreġ u naħdem fuq l-iżbalji tiegħi. Nemmen li għad għandi ħafna x’nitgħallem.”

Hija qalet ukoll li tixtieq tara aktar nisa jidħlu fl-isport tat-trotting f’Malta.

“Nixtieq li aktar tfajliet u nisa jippruvaw dan l-isport. Jista’ jidher diffiċli għall-bidu, imma meta tidħol fih tifhem kemm huwa sabiħ.”

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Frendo kellha messaġġ ta’ ringrazzjament għal dawk kollha li appoġġjawha tul din l-esperjenza Ewropea.

“Grazzi lil kull min bagħatli messaġġi u wrieni appoġġ. Meta tkun barra minn pajjiżek u tħoss l-appoġġ tal-Maltin tagħtik kuraġġ kbir. Ninsab kburija li stajt nirrappreżenta lil Malta.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport