L-atleta ta’ 15-il sena Iris Merle Camilleri rebħet l-ewwel titlu nazzjonali tagħha fil-Malta Mountain Running Championship filwaqt li Luke Micallef iddefenda t-titlu tiegħu, biex issa rebaħ din il-kompetizzjoni xejn inqas minn tmien darbiet.
Il-Garmin 2026 Malta Mountain Running Championships saru f’Binġemma taħt l-awspiċji ta’ Athletics Malta u l-Kunsill Lokali tal-Imġarr. It-tellieqa saret fuq rotta unika fil-kampanja, fuq distanza ta’ 5.6km, b’telgħa kontinwa ta’ 139 metri u niżla ħafifa ta’ 35 metru. L-atleti bdew minn Binġemma, l-Imġarr qabel ma telgħu sa wieħed mill-ogħla punti f’Malta, f’livell ta’ 240 metru, u temmew fil-Kunċizzjoni, limiti tar-Rabat.
Luke Micallef (Pembroke Athleta) rebaħ it-tmien titlu tiegħu f’din il-kategorija, b’ħin b’saħħtu ta’ 18:51. Isaac Attard (Athletic Club Gozo), li kellu staġun b’saħħtu kemm fi tlielaq trail kif ukoll fit-triq, temm it-tieni b’19:32, biż-żagħżugħ emerġenti Tommy Wallbank (Mellieha AC) fit-tielet post b’19:48.
Fil-kategorija tan-nisa, Iris Merle Camilleri (St. Patrick’s) fl-eta ta’ 15-il sena, ħasdet il-kompetituri tagħha u rebħet l-ewwel titlu nazzjonali tagħha fil-Mountain Running b’ħin ta’ 23:32. Tara Abdilla (La Salle), atleta esperta fit-trail spiċċat fit-tieni post b’23:44, sekonda qabel Isaura Camilleri (Zurrieq Wolves) li kisbet it-tielet post.
Dawn il-Kampjonati servew ukoll biex jintagħżlu l-atleti Maltin li se jieħdu sehem fil-Kampjonati Ewropej tal-Off-Road Running li se jsiru f’Kamnik, fl-iSlovenja, f’Ġunju.

