Tuesday, March 18, 2025

Insaħħu l-kura għal min għandu problemi ta’ saħħa mentali

Minn kliem u retorika għal azzjoni tangibbli

Aqra wkoll

F’ħafna diskussjonijiet pubbliċi dwar is-saħħa mentali, nisimgħu kliem sabiħ dwar l-importanza li nieħdu ħsieb lil dawk li għandhom problemi ta’ saħħa mentali. Il-kliem importanti, imma li nieħdu azzjoni hu iktar. Apparti d-diskors informattiv dwar kuxjenza fuq saħħa mentali, irridu nkomplu naħdmu fuq soluzzjonijiet konkreti li jtejbu l-ħajja ta’ dawk li jeħtieġu l-għajnuna

Aħna lkoll parti mis-soluzzjoni

Is-saħħa mentali m’għandhiex tkun meqjusa bħala responsabbiltà tas-sistema tas-saħħa biss. Il-komunità kollha trid tkun involuta, mill-familji, l-iskejjel, il-postijiet tax-xogħol, u l-gvernijiet lokali. Kull individwu jista’ jkun ta’ appoġġ billi jisma’ mingħajr ma jiġgudika, billi jġedded id-diskussjoni dwar is-saħħa mentali u billi joffri għajnuna konkreta lil dawk li għandhom bżonn.

Investiment f’servizzi ta’ saħħa mentali

Mingħajr investiment konkreti f’servizzi ta’ saħħa mentali, kull ġest nobbli jibqa’ vojt. Hemm bżonn li jkollna aktar professjonisti fis-settur, u li dawn jingħataw l-appoġġ necessarju biex jaqdu dmirhom b’mod effettiv. Il-gvern għandu jassigura li servizzi bħal terapija, u programmi ta’ rkupru eżistenti jkunu dejjem iktar aċċessibbli. Barra minn hekk, trid issir ġlieda kontra l-istigma li tbieghed lin-nies milli jfittxu l-għajnuna.

Postijiet tax-xogħol li joffru sapport

L-ambjent tax-xogħol jista’ jkollu impatt kbir fuq is-saħħa mentali. Il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet għandhom jkomplu jiżviluppaw programmi ta’ għajnuna psikoloġika għall-impjegati, joffru flessibbiltà fil-ħinijiet tax-xogħol u fil-modi differenti tax-xogħol, u jiżguraw li ma jkunx hemm diskriminazzjoni kontra nies li jkunu għaddejjin minn sfidi ta’ saħħa mentali.

L-edukazzjoni u l-kuxjenza

Hemm bżonn li nzidu iktar edukazzjoni dwar is-saħħa mentali fil-kurrikulu skolastiku. Jekk iz-zgħażagħ jikbru mgharrfin aħjar dwar is-saħħa mentali, ikollna soċjetà li tkun aktar empatika u li tkun kapaċi titkellem dwar dawn il-kwistjonijiet mingħajr mistħija. L-iskejjel għandhom ikomplu jinvestu fis-servizzi terapewtici li jibqgħu jkunu disponibbli għall-istudenti li jkollhom bżonn jitkellmu jew isibu appoġġ f’mumenti diffiċli.

Appoġġ lill-familji u l-carers

Mhux biss min għaddej minn problemi ta’ saħħa mentali jehtieg l-għajnuna, imma wkoll il-familjari u l-persuni li jħobbu lil dawn in-nies. Li tieħu hsieb xi ħadd minn filghodu sa filghaxija tista’ tkun diffiċli u teħtieġ sapport kontinwu. Huwa importanti li noħolqu gruppi ta’ sapport għall-familji u l-carers, fejn jistgħu jifhmu kif jaħdmu aħjar biex jappoġġjaw lill-maħbubin tagħhom filwaqt li jieħdu ħsieb ukoll tas-saħħa mentali tagħhom stess.

Politika konkreta li tibni fuq il-kampanji ta’ kuxjenza

Għalkemm kampanji ta’ kuxjenza huma tajbin, mhumiex biżżejjed.. Dan ifisser li għandhom ikunu hemm policies li jiżguraw li persuni b’problemi ta’ saħħa mentali ma jkunux esklużi mis-soċjetà jew mit-triq lejn l-impjieg.

Bħala pajjiż, irridu ninvestu f’aktar djar u faċilitajiet għal dawk li għandhom problemi mentali kroniċi, li xi kultant jispiċċaw bla saqaf fuq rashom jew f’ambjenti li ma joffrulhomx d-dinjità li jixirqilhom.

Is-saħħa mentali mhux xi ħaġa fl-arja jew kwistjoni sekondarja. Hija parti essenzjali minn soċjetà b’saħħitha. Biex ngħinu lil dawk li jeħtieġu l-appoġġ, irridu nħarsu lil hinn mir-retorika u nieħdu passi konkreti li joffru bidla reali. Li nitkellmu huwa b’saħħtu, imma li naħdmu hija t-triq tassew għall-bidla.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport